Lokali

Jitressaq appell kontra l-approvazzjoni ta’ pixxina ODZ fil-Wied ta’ Marsalforn

L-Awtorita' tal-Ippjanar

Ħames għaqdiet u l-Kunsill Lokali tax-Xagħra ressqu appell mat-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Ippjanar li tapprova pixxina oħra ta’ Joseph Portelli fil-Wied ta’ Marsalforn. L-appell qiegħed isir bil-fondi li nġabru fi ftit jiem minn kampanja ta’ crowdfunding sabiex ikunu jistgħu jittieħdu passi legali kontra dan il-permess ta’ żvilupp skandaluż.

Fi stqarrija, huma qalu li l-Kap tal-Kummissjoni tal-Ippjanar, Martin Camilleri għamel minn kollox sabiex jintogħġob ma’ Portelli u ħareġ il-permess minkejja r-rakkomandazzjoni għar-rifjut tal-uffiċjal responsabbli mill-każ. Minbarra li tinsab f’ODZ, il-pixxina ta’ Portelli ser titħaffer f’wied u hija parti minn proġett massiv ta’ blokok ta’ appartamenti fit-tarf tal-istess wied. L-approvazzjoni ta’ pixxina f’wied toħloq preċedent perikoluż sabiex ikompli jiġu approvati applikazzjonijiet għal proġetti simili, u b’hekk fetħet bibien is-sema għall-qerda tal-widien tagħna u l-qerda mgħaġġla ta’ Għawdex.

Komplew li l-approvazzjoni ta’ Martin Camilleri tikser bosta liġijiet u politiki tal-ippjanar. L-appell tal-organizzazzjonijiet jelenka l-bosta regolamenti li jipprojbixxu kategorikament dan l-iżvilupp approvat fuq ODZ, bħal fost oħrajn: il-Pjan Lokali ta’ Għawdex ma jippermettix żvilupp f’xifer il-widien; is-sit jinsab fil-limitu ta’ 50 metru minn Żona ta’ Konservazzjoni Urbana; mhux  permess tibdil fl-istat naturali ta’ ODZ u li art ODZ tinqasam f’biċċiet li jeqirdu l-pajsaġġ olistiku tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tal-Ippjanar sostniet li s-sit kien kommess għall-iżvilupp, meta fil-fatt ma kienx, u wkoll aġixxiet b’mod mill-iktar irregolari tul il-proċess b’mod partikolari meta naqset milli tindika fl-ewwel seduta d-direzzjoni li ser tieħu, u minflok talbet l-iżviluppatur iwettaq tibdil insinifikanti, li mbagħad użatu sabiex tiġġustifika l-approvazzjoni.

L-istqarrija tgħid li s-suċċess ta’ kampanji ta’ ġbir tal-flus bħal dawn juru r-rabja tal-Maltin u l-Għawdxin fil-konfront tal-qerda tal-ambjent urban u natural għall-benefiċċju ta’ ftit sinjuri. Kmieni dis-sena il-Moviment Graffitti appella t-tielet applikazzjoni marbuta mal-iżvilupp mostruż ta’ Portelli fis-Sannat. Dan l-appell ukoll kien finanzjat minn kampanja ta’ ġbir tal-flus bħal din.

Quddiem dan l-assalt fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tagħna, aħna qalu li determinati li jkomplu jiġġieldu l-qerda ta’ Għawdex u ta’ Malta minn żviluppaturi bħal Joseph Portelli u entitajiet imħassra bħall-Awtorità tal-Ippjanar.