Lokali

Rikonoxxuti għall-ħidma tagħhom fi ħdan il-Korp tal-Pulizija

22 membru tal-Korp tal-Pulizija u eks-membru ngħataw midalja għal servizz twil u effiċjenti li tingħata mat-18-il sena servizz.

9 membri tal-Korp u 4 eks-membri ngħataw l-ewwel class li tingħata mal-25 sena ta’ servizz; filwaqt li 8 membri tal-Korp ingħataw it-tieni clasp, li tingħata mat-30 sena servizz.

Dan kollu waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Midalji għal Servizz Twil u Effiċjenti, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana matul il-jum tal-Ġimgħa.

Għal din l-okkażżjoni l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà irrefera għar-rapport tal-Ewrobarometru u qal li “ninsabu f’perjodu partikolari fejn l-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni, li titkellem fuq kif il-membri tal-Korp għandhom ikunu kburin, aktar minn qatt qabel qed tikkontribwixxi biex il-pulizija qegħdin iħossuhom kburin bil-ħidma tagħhom.”

Angelo Gafà qal ukoll li beda proċess ta’ reviżjoni fil-mod ta’ kif jingħataw il-Midalji għal Servizz Twil u Effiċjenti, u dan sabiex iktar uffiċjali jkunu jistgħu jiġu ppremjati għall-effiċjenza f’ħidmiethom.