Lokali

Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara li żagħżugħa ta’ 17-il sena tilfet il-kontroll tal-karozza u baqgħet dieħla f’ħajt

Żagħżugħ ta’ 21 sena jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li kien involut f’inċident b’karozza tal-kiri li kienet qed tinstaq b’mod illegali minn żagħżugħa ta’ 17-il sena.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1:30 ta’ dalgħodu fi Triq il-Madliena, is-Swieqi.

Fil-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li ż-żagħżugħa minn San Pawl il-Baħar kienet qed issuq il-karozza li fiha kien hemm tliet passiġġiera oħra, iż-żagħżugħ ta’ 21 sena residenti n-Naxxar, Żvizzeru ta’ 20 sena residenti s-Swieqi, u żagħżugħa miċ-Ċili ta’ 19-il sena residenti San Ġijan.

Minnufih fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei u membri tal-Protezzjoni Ċivili fejn wara li taw l-ewwel għajnuna, huma ttieħdu kollha l-Isptar b’ambulanza għal iktar kura.

Filwaqt li ż-żagħżugħ ta’ 21 sena qed isofri minn ġrieħi serji, is-sewwieqa qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li ż-żewġ passiġġiera l-oħra qed isofru minn ġrieħi ħfief.

Il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace ġiet infurmata u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.