Sport Sport Ieħor

Blackball: Valletta Breakwater u Ħamrun 147 A fil-finali tan-National KO

Se jkunu Valletta Breakwater u Ħamrun 147 A li se jikkontestaw il-finali tan-National KO wara li fis-semifinali kisbu rebħiet ferm importanti.Il-Beltin għelbu lil Cospicua Rangers 21-19, f’logħba ferm interessanti u indeċiża sal-aħħar.

Fit-tieni semifinali, Ħamrun 147 A rebħu d-derby kontra Ħamrun 147 B 21-18.Il-finali ta’ din il-kompetizzjoni se tintlagħab nhar il-Ġimgħa li ġej fil-Fuego Speakeasy Arena f’Birkirkara u tkun l-aqwa minn 20 frame.Sadanittant saru magħrufa wkoll is-semifinalisti tar-Regional Knock-Out fejn Mosta St Mary A jilagħbu kontra Ħamrun 147 C filwaqt li Birkirkara Duke’s A joħduha kontra Di Santos Qormi.

Fil-kwarti tal-finali li ntlagħbu l-ġimgħa l-oħra, Mosta St Mary A iddominaw il-konfront kontra Juve Birkirkara B 21-2 b’Ħamrun 147 C li rebħu 21-15 lil Juve Birkirkara A.Birkirkara Duke’s A rebħu 21-5 lil Fanal Marsaskala b’Di Santos Qormi li kienu aħjar minn Birkirkara Duke’s B hekk kif rebħu 21-18.

Il-finali ta’ din il-kompetizzjoni ssir nhar l-Erbgħa li ġej.