Internazzjonali

ITALJA: Wara r-rebħa, Giorgia Meloni tgħid li issa “wasal żmien ir-responsabbiltà”

It-turnout kien ta' madwar 65%

Fl-elezzjoni li saret il-Ħadd, il-Kap tal-partit Fratelli d’Italia Giorgia Meloni ġabet l-akbar appoġġ fost l-elettorat fejn il-blokk taċ-Ċentru Lemin, li jinkludi wkoll il-Lega ta’ Matteo Salvini u l-partit Forza Italia ta’ Silvio Berlusconi, rebaħ 44% tal-voti – biżżejjed biex jiggarantixxi l-kontroll taż-żewġ kmamar tal-parlament. Din hija l-ewwel rebħa għaċ-Ċentru Lemin fl-aħħar 10 snin.

Meloni weħidha kisbet madwar 26% tal-voti mitfugħa. Din l-alleanza mistennija tirbaħ bejn 227 u 257 mill-400 siġġu fil-Parlament, u bejn 111-131 mill-200 siġġu tas-Senat.

Eżatt wara r-riżultat, Giorgia Meloni stqarret li issa wasal iż-żmien li dawk eletti imexxu b’reponsabbiltà.

Jekk dan ir-riżultat ikun konfermat, ifisser li Meloni se tkun l-ewwel Prim Ministru mara tal-Italja, u se tiġi fdata biex tifforma Gvern ta’ koalizzjoni.

Il-votazzjoni għalqet fil-11pm. U t-turnout kien wieħed baxx fejn data provviżorja tindika parteċipazzjoni ta’ 64.1% kontra 74% erba’ snin ilu – numru baxx f’pajjiż li storikament dejjem gawda minn livell għoli ta’ parteċipazzjoni ta’ votanti.

Exit polls juru li l-Movimento 5 Stelle ġab 15% tal-voti – ferm aktar mil-Lega ta’ Salvini. Il-PD ġab 19%.

Il-partiti taċ-Ċentru-Xellug, miġburin flimkien, ġabu 26%.

Il-parlament il-ġdid, għandu jiltaqa’ fit-13 ta’ Ottubru, wara li l-kap tal-istat isejjaħ lill-mexxeja tal-partiti u jiffurmaw gvern ġdid.