Internazzjonali

Il-Korea: Tensjoni wara l-isparatura ta’ missila mill-komunisti

Il-Korea ta’ Fuq komunista sparat suspettata missila ballistika ‘il hinn mill-kosta tagħha lejn il-lvant – b’din tkun anki l-ewwel prova ta’ dan it-tip minn Ġunju. Dan waqt li l-Korea t’Isfel ikkundannat l-isparatura bħala provokazzjoni gravi.

L-isparatura seħħet wara li l-aircraft carrier tal-Istati Uniti USS Ronald Reagan wasal fil-Korea t’Isfel biex jieħu sehem f’eżerċizzji militari konġunti – u qabel iż-żjara pjanata fil-Korea t’Isfel mill-Viċi-President Amerikan, Kamala Harris. Intant, mifhum li l-missila niżlet fl-ibħra tal-Korea ta Fuq u ‘il hinn miz-zona ekonomika esklussiva tal-Ġappun.

In-Nazzjonijiet Uniti tipprojbixxi l-provi tal-armi ballistiċi u nukleari mill-Korea komunista u meta jidher li l-aħħar sparatura kienet tinvolvi missila li twassal għal fuq id-distanzi żgħar. Il-militar tal-Korea t’Isfel tenna, sadanittant, li jinsab lest għal kwalunkwe possibbiltà filwaqt li qed jikkoopera mal-Istati Uniti u jsaħħaħ l-aspetti tas-sorveljanza f’din is-sitwazzjoni delikata.

Min-naħa tiegħu, il-Ġappun ikkonferma d-direzzjoni tal-missila qabel niżlet fil-baħar u fost twissija biex il-bastimenti fiz-zona ma jnaqqsux mill-viġilanza.