Lokali

“Il-PN irid kwalita’ ta’ ħajja aħjar u ekonomija li taqdi lill-bniedem” – Alex Borg

“Il-Partit Nazzjonalista jrid kwalita’ ta ħajja aħjar u serħan il-moħħ. Irridu wkoll ekonomija li taqdi lill-bniedem u żvilupp li huwa sostenibbli.”

Hekk tenna d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta kien qed jindirizza l-attivita’ politika li saret f’Għawdex.

Alex Borg qal li sa ftit snin ilu l-Għawdxin kellhom serħan il-moħħ iżda dak insteraq hekk kif naqqset is-sigurta’ u żdiedet il-kriminalita’. Huwa qal li ż-żmien li l-Għawdxin iħallu ċ-ċavetta fil-bieb inqered għal kollox.

Huwa saħaq li l-Gvern qiegħed hemm biex l-ewwel u qabel kollox jara li hemm serħan il-moħħ qalb in-nies iżda dan il-Gvern mhux qed ikun serju. Huwa qal li jekk tigi f’pajjiżna biex toħloq l-inkwiet postok mhux hawn iżda dan id-diskors ma jgħoddx ghall-barranin biss iżda jgħodd għal dawk li jaħsbu li huma ‘il fuq mill-ligi Maltija.

Barra minn hekk Alex Borg tenna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel pressjoni sabiex jaraw li n-nies jistgħu joqgħodu b’moħħhom mistrieħ id-dar, iż-żgħażagħ ikunu jistgħu joħroġu b’serħan il-moħħ u l-anzjani jistgħu joqgħodu bi kwiethom id-dar.

Minn naħa l-oħra huwa qal li fil-Parlament jitkellmu dwar is-saħħa tal-bniedem u kemm marret lura s-saħħa tal-Għawdxin tul is-snin. Alex Borg saħaq li għandna ngħożżu l-għeżież tagħna u għalhekk se jibqa’ jinsisti li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista jidħlu fis-seħħ rigward is-saħħa. Huwa tenna li saħħet in-nies trid tkun l-ewwel prijorita’ għall-Gvern.

Alex Borg qal ukoll li l-kwalita’ ta’ ħajjitna tiddependi mill-ambjent naturali u mill-ajra. Huwa kompla jgħid li l-ambjent f’Għawdex mar lura bl-iżvilupp li mhux sostenibbli u dan huwa riskju kbir għall-Għawdex għax jista jitlef il-karatteristiċi kollha li Għawdex magħruf għalih.

Huwa temm id-diskors tiegħu hekk kif qal li lill-Għawdex irridu nagħtuh l-istatus tiegħu sabiex jerġgħa jkun djamant f’nofs il-Mediterran.