Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li allegatament wettaq atti sesswali fuq minuri

Sirjan ta’ 18-il sena residenti Birkirkara nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li wettaq atti ta’ natura sesswali fuq tfajla ta’ 17-il sena mingħajr il-kunsens tagħha. Mohamad Alswileh ġie mixli li offenda l-pudur tat-tfajla.

L-Ispettur Christabelle Chetcuti li ressqet lis-Sirjan qalet lill-Maġistrat Astrid May Grima li t-tfajla għamlet l-ewwel rapport lill-Pulizija dwar dan fit-12 ta’ Settembru li għadda. Sostniet li minn dakinhar ‘il hawn, kien hemm seba’ okkażjonijiet oħra fejn it-tfajla rrappurtat li Alswileh avviċinaha, anki meta kien ġie mwissi biex ma jkellimhiex.

L-Ispettur Chetcuti qalet ukoll li t-tfajla tbati minn problemi ta’ saħħa mentali. L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi u d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti iżda, ċaħdet it-talba “minħabba n-natura gravi tal-akkużi kif ukoll “minħabba li l-allegata vittma hija taħt l-età u għad trid tixhed. It-tfajla fil-fatt se tixhed fis-seduta li jmiss, flimkien ma’ xhieda oħra pajżana.