Lokali

Jirritorna l-programm NETLIVE fuq Net TV

Diskussjoni, analiżi, intervisti, features, dibattiti wiċċ’imb wiċċ, xandiriet diretti, u ħafna aktar.

Huma dawn l-elementi li se jerġgħu jikkaraterizzaw l-istaġun il-ġdid tal-programm NETLIVE, li għal din is-sena wkoll se jerġa’ jixxandar fuq Net Televistion wara l-aħbarijiet tas-6pm.

NETLIVE se jkun l-appuntament ewlieni għal dawk kollha li jridu l-aħħar aġġornamenti dwar l-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti li jseħħu minn ġurnata għall-oħra; kemm lokalment kif ukoll mix-xena internazzjonali. Dan filwaqt li ma tonqosx analiżi politika bla kantunieri, bis-sehem ta’ mistiedna varji u diskussjonijiet dwar it-temi l-aktar jaħarqu li jkunu qed jiddominaw l-aħbarijiet.

Din is-sena l-produzzjoni ta’ NETLIVE se tkun f’idejn Maria Francalanza, Charlene Buttigieg Farrugia u Robert Cremona li se jkun ukoll qed jippreżenta dan il-programm – bis-sehem dirett tal-ġurnalisti kollha ta’ Net Television.

NETLIVE jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-6:10pm fuq Net TV.

Il-pubbliku jista’ wkoll jipparteċipa fil-programm bil-linja diretta tal-Whatsapp 77782020.