Internazzjonali

L-Elezzjoni Ġenerali fl-Italja: Il-poplu jivvota fost indikazzjonijiet tajbin għal Meloni

L-indikazzjonijiet mill-Italja huma li Giorgia Meloni, li tmexxi lill-Partit Fratelli d’Italia, tista’ tkun viċin il-konferma bħala l-ewwel Prim Ministru mara ta’ dan il-pajjiż.

Filwaqt li għad ma hemm l-ebda konferma uffiċjali minn din l-elezzjoni li tagħlaq fil-11 pm — is-sinjali huma li l-poplu Taljan għandu jagħżel l-aktar Gvern radikali  mit-Tieni Gwerra ‘il hawn biex imexxih..

Jekk kollox jimxi skont il-pronostiku, Giorgia Meloni se tkun qed tmexxi lill-Italja bħala l-Kap ta’ koaliazzjoni li mistennija tinkludi żewġ partiti oħra tal-istess bixra politika. Dawn huma l-Lega ta’ Matteo Salvini u l-Partit Forza Italia tal-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi.

Mal-51 miljun Taljan għandhom id-dritt li jivvutaw f’din l-elezzjoni – u bl-ewwel exit polls mistennija għal kmieni t-Tnejn. Dan meta mat-2.6 miljun Taljani kellhom jivvutaw għall-ewwel darba f’ħajjithom u bir-riżultat qed jiddependi wkoll fuq il-voti ta’ 4.7 miljun Taljani li qegħdin jgħixu barra pajjiżhom.

Il-President tal-Italja, Sergio Mattarella, ivvota fil-belt ta’ Palermo waqt li Enrico Letta – il-Kap taċ-ċentru-xellug u l-akbar rivali ta’ Meloni – tefa’ il-vot tiegħi f’Ruma. Intant, din l-elezzjoni hi wkoll sinifikanti għaliex x’aktarx li qed twassal għar-ritorn fil-Gvern tar-radikali Matteo Salvini, li hu sieħeb politiku ewlieni ta’ Meloni.

Giorgia Meloni hi favur is-sanzjonijiet tal-Punent fuq ir-Russja u fl-aħħar xhur hi pruvat tnaqqas mir-retorika kontra l-Ewropa li kienet magħrufa għaliha meta ntroduċiet ruħha fix-xena politika. Fl-istess ħin, Meloni qed tipproponi politika navali li ma tippermettix il-movimenti tad-dgħajjes mil-Libja u bil-għan li titrażżan l-immigrazzjoni minn dan ir-reġjun.

L-Ewropa kollha kienet qed issegwi din l-elezzjoni b’interess kbir u fi żmien meta l-ekonomija tal-Italja qed tirpilja wara l-pandemija tal-Covid-19.

Madankollu, il-prezzijiet tal-enerġija sparaw ‘il fuq  b’kaġun tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi u filwaqt li l-politiċi ilhom il-jiem jargumentaw dwar ir-Russja u l-Ewropa, il-poplu Taljan hu aktar ħsiebu f’li jlaħħaq mal-kontijiet allarmanti li qed ikollu jiffaċċja minn jum għall-ieħor.

L-Unjoni Ewropea kienet qablet biex tagħti lill-Italja l-ekwivalenti ta’ 200 biljun ewro f’self u recovery grants ta’ wara l-Covid, Iżda din l-għajnuna qed tiddependi mill-pakkett tar-riformi li kien qabel dwarhom il-Gvern Taljan ta’ Mario Draghi li wasal biex jispiċċa.

Min-naħa tagħha, Giorgia Meloni sejħet biex dan il-pjan partikulari, ‘il quddiem, ikun irrivedut u, waqt il-kampanja elettorali, esprimiet il-ħsieb tagħha biex ‘tiddefendi aħjar’ l-interessi tal-Italja fl-Unjoni Ewropea.