Internazzjonali

L-Ukrajna: Wiegħda li s-suldati Russi li jċedu jkunu trattati b’mod dinjituż

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qed iwiegħed li kull suldat Russu li jwarrab mill-ġlied u jċedi ruħu lill-qawwiet Ukreni għandu jkun itrattat b’mod ċivili u dinjituż.

Dan waqt li Zelensky appella lis-suldati Russi biex ‘ma jkomplux ikunu parti mill-invażjoni diżastruża ta’ pajjiżu’ filwaqt li ħeġġiġhom biex iċedu u jsalvaw ħajjithom ladarba huma jispiċċaw fuq il-front tal-gwerra.

Il-Mexxej Ukren qal ukoll li s-suldati Russi li jippersistu b’din il-gwerra bla sens qed jissugraw li jgħaddu ġuri bħala kriminali tal-gwerra ladarba jintemm il-konflitt tal-Ukrajna,.

Fl-istess ħin, hu enfasizza li l-priġunieri Russi għandhom ikunu trattati skont il-konvenzjonijiet internazzjonali u li l-Ukreni mhuma se jirritornaw l-ebda priġunier lir-Russja f’każ li dan ikun beżgħan mir-riperkussjonijiet.

Zelensky – li kien qed jitkellem bir-Russu — qal dan il-kliem wara li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, iffirma liġi ġdida biex jirdoppja l-pieni għas-suldati Russi li jippruvaw jaħarbu mill-Armata jew li ma jobdux id-direttivi tas-superjuri tagħhom. Jistgħu jeħlu sa għaxar snin ħabs anki s-suldati Russi li jirrifjutaw li jiġġieldu jew li ‘jagħżlu biex iċedu lill-għadu’.

L-aħħar direttivi ta’ Putin qegħdin jidhru bħala attentat biex jieħu lura l-inizjattiva wara li l-qawwiet tiegħu sofrew disfatta wara l-oħra fuq il-kamp tal-gwerra.

Intant, aktar Russi qed jissieħbu f’mewġa ta’ protesti ( fir-Russja) dovuti għall-mobilizzazzjoni parzjali ta’ 300,000 suldat addizzjonali biex imorru jiġġieldu fl-Ukrajna.

L-Organizzazzjoni Russa OVD-Info għall-ħarsien tad-drittijiet umani rappurtat li mas-700 dimostrant spiċċaw arrestati matul il-jum tas-Sibt biss — u wara li ‘il fuq minn 1,000 kienu nżammu taħt arrest waqt id-dimostrazzjonijiet tal-aħħar jiem kontra l-lieva sfurzata mill-Kremlin.

Dan ukoll meta fir-Russja ma jistgħux isiru rallies li mhumiex issanzjonati mill-ogħla awtoritajiet.