Lokali

€1,200,259 is-somma miġbura matul il-maratona sabiex tinbena Dar Bjorn Respite

Kienu €1,200,259 li nġabru matul il-jum tal-Ħadd, mill-għaqda ‘ALS Malta’ li organizzat maratona sabiex jinġabru fondi ħalli tkun tista’ tinbena Dar Bjorn Respite f’Ħaż-Żebbuġ. Somma finali sabiħa miġbura matul il-maratona ta’ 12-il siegħa. “GRAZZI talli kont parti minn dan is-suċċess u qed tgħinna ngħinu aktar nies! Kienu l-kliem ta’ Bjorn Formosa u l-organiżżaturi ta’ din il-maratona.

Bis-saħħa ta’ din il-binja l-ġdida li se titlesta bil-fondi nġabru minn din il-maratona, din l-għaqda se tkun f’pożizzjoni li tgħin aktar nies li bħal Bjorn Formosa għandhom il-marda tal-ALS jew kundizzjonijiet newroloġiċi. Fil-maratona ntwerew diversi features u testimonjanzi ta’ persuni li għandhom il-kundizzjoni tal-ALS u s-sitwazzjoni li dawn jaffaċċjaw ta’ kuljum.

Intant matul dan ix-xahar, Bjorn Formosa qatta diversi ġranet l-Isptar Mater Dei u kellu saħansitra jagħmel operazzjoni. Iżda minkejja dan kien preżenti għal din il-maratona sabiex jara li l-ħolma tiegħu ssir realta’. Id-djar li waqqaf Bjorn Formosa joffru servizzi bla ħlas għal dawk kollha li jkollhom bżonn il-kura.

Bjorn minn naħa tiegħu dejjem appella lill-pubbliku sabiex jagħti l-kontribut ħalli hu jkun jista’ jaghti appoġġ lil  aktar persuni li jbatu bl-ALS. Il-proġett ta’ Dar Bjorn Respite huwa wieħed essenzjali u se jitħaddem bid-dedikazzjoni tal-carers u l-ħaddiema li jagħmlu minn kollox sabiex jegħlbu l-ostakli li jġib miegħu il-mard newroloġiku.