Lokali

Minn ‘irregolari’ jsir kollox ‘regolari’

Is-sidien oriġinali ma tħallewx ibigħu l-proprjetà lil xerrejja oħra bl-iskuża tal-'irregolaritajiet'

Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jikber it-tħassib dwar in-negozju li Robert Abela għamel biex xtara proprjetà fiż-Żejtun b’partijiet minnha kienu oriġinarjament lil hinn minn zona għall-iżvilupp, iżda sussegwentement tranġa kollox u l-irregolaritajiet li kienu identifikati mill-Awtorità tal-Ippjanar issewwew.

Dan għaliex din l-istess proprjetà – magħrufa bħala ‘Villa Ċinja’ fi Triq Xrobb l-Għaġin, fiż-Żejtun – kienet diġà qed tinbiegħ lil terzi persuni qabel ma’ tfaċċa Robert Abela, iżda l-Awtorità tal-Ippjanar dakinhar ma kenitx konsistenti sal-punt li ma għamlitx dan in-negozju oriġinali permissibbli u hekk is-sidien ta’ dik il-proprjetà ma tħallewx ibigħuha.

Sussegwentement fl-istorja tfaċċa Robert Abela u sussegwentement l-Awtorità tal-Ippjanar issanzjonat l-irregolaritajiet kollha li kienu identifikati qabel minnha stess, inkluża l-kwistjoni li partijiet minn din ‘Villa Ċinja’ kienu joħorġu lil hinn miz-zona għall-iżvilupp.

Jeżistu allegazzjonijiet diretti fil-konfront ta’ Robert Abela li kollox tranġa mill-Awtorità tal-Ippjanar grazzi għall-influwenzi u l-kuntatti li hu jista’ għandu fl-istess Awtorità tal-Ippjanar fejn il-konnessjonijiet diretti u indiretti tiegħu mal-istess Awtorità tal-Ippjanar imorru lura għal diversi snin tant li kemm-il darba ngħata xogħlijiet bħala l-Avukat tal-istess Awtorità tal-Ippjanar.

Nifhmu li Robert Abela dejjem jiċħad li uża xi influwenzi jew il-kuntatti tiegħu f’dan ir-rigward biex din il-proprjetà spiċċat għandu, imma s-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument urew ix-xettiċiżmu tagħhom, anki għaliex jafu mill-qrib kif isiru l-affarijiet minn Kastilja… inkluż dak l-iskandlu ta’ Transport Malta fejn anki minn Kastilja ġieli kien hemm talbiet ħalli applikanti jkunu aġevolati (imma dwar dan nirrapportaw darb’oħra!)

L-istorja ta’ ‘Villa Ċinja’ tmur lura għal qabel is-sajf tal-2017, proprju hekk kif Robert Abela kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament wara li iżda kien konsulent ta’ Kastilja fi żmien Joseph Muscat! ‘Villa Ċinja’ nxtrat mill-koppja Robert u Lydia Abela… inċidentalment tliet xhur biss wara li l-irregolaritajiet kollha li kien fiha – u li kienu qed iċaħħdu lis-sidien oriġinali milli jbigħuha lil terzi persuni oħra – kienu sanzjonati u msewwija mill-Awtorità tal-Ippjnanar!

Issa, bħal sajjetta fil-bnazzi, Robert Abela ssottometta pjanti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex minn ‘Villa Ċinja’ jagħmel żvilupp ġdid li jkun jinkludi garaxx kbir, residenza fuq l-istess garaxx, pixxina u ġnien mad-dawra tal-proprjetà li hi mifruxa fuq 2,200 metru kwadru ta’ art.

Robert Abela, li xtara din il-proprjetà mingħand koppja anzjana għall-prezz ta’ €600,000 – almenu hekk hu dikjarat li nxtrat din il-proprjetà – jirriżulta li fil-perjodu tan-negozju ta’ din l-istess proprjetà kien diġà bi rwol importanti fl-Awtorità tal-Ippjanar tant li kien l-Avukat tal-istess Awtorità tal-Ippjanar li fil-ġimgħat ta’ qabel in-negozju finali bejn il-partijiet, irregolarizzat dak li kien irregolari biex hekk il-bejgħ li dejjem kien miċħud qabel, issa seta’ jsir!

Il-kuntatti bejn Robert Abela u l-Awtorità tal-Ippjanar ilhom sa mill-2013 hekk kif Robert Abela, grazzi għad-ditta legali li kellu, kien ingħata regolarment kuntratti ta’ €7,300 fix-xahar li iżda sussegwentement kienu żdiedu għal €17,110 fix-xahar fl-2019.