Lokali Qorti

Negozji fil-Mosta ifittxu kumpens wara li xogħolijiet fit-toroq ikkawżalhom ħsarat

Is-sidien ta’ sitt negozji tal-Mosta ressqu protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn sostnew li xogħlijiet fit-toroq li ilhom għaddejjin għal bosta xhur ikkawżawlhom ħsarat u telf ta’ qligħ. Il-protest, iffirmat minn 10 persuni kien ippreżentat kontra Infrastructure Malta, Transport Malta, il-kunsill lokali ta’ Malta, u l-kuntrattur Carmel Vella Ltd.

In-negozji lmentaw li fl-aħħar snin, Main Street, fil-Mosta, fejn jinsabu n-negozji tagħhom, ingħalqet darbtejn għat-traffiku wara li tħaffret. Huma investew fl-istokk għan-negozji tagħhom u sa ftit ilu kienu jgawdu minn klijenti ripetuti. Madankollu, minħabba negliġenza tal-awtoritajiet u l-kuntrattur, issa qed isofru telf ta’ qligħ.

Uħud min-negozji sofrew ukoll ħsarat fil-proprjetà tagħhom, kemm jekk permezz ta’ trab qawwi u debris mix-xogħlijiet, li kkawża ħsara lill-madum u l-faċċati. Wieħed min-negozji qal li spiċċa mgħarraq fid-drenaġġ minħabba li ħareġ minħabba li l-katusi tat-toroq tħallew skonnettjati mill-ħaddiema.

In-negozjanti qalu li kemm-il darba ppruvaw ifittxu rimedju, iżda t-talbiet tagħhom lill-awtoritajiet u lil dawk kollha involuti kienu waqgħu fuq widnejn torox. Il-protest sar minn Charlene Camilleri, Stephen Camilleri, Kenneth Piscopo, Christine Azzopardi, Ramon Schembri, Duncan Schembri Bonnett, Basar Noor, Jake Fenech, Alison Claire Vella, u Hector Vella.

Huma għandhom in-negozji DC Dress Code, il-Convenience Shop, Paul & Waters, Kebab Time, Glo Up, u Treasures Baby and Kids Wear. Il-protest kien iffirmat mill-avukat Elaine Sammut. F’Lulju, is-sidien ta’ boutique hotel talbu wkoll kumpens finanzjarju mill-awtoritajiet wara li sostnew li x-xogħlijiet fit-toroq bla waqfien ħarbtu b’mod sinifikanti n-negozju tagħhom.