Lokali

AĠĠORNATA: Jismu John Zammit, ir-raġel ta’ 51 sena li tilef ħajtu f’inċident sfortunat

Dik li kellha tkun ġurnata xogħol spiċċat fi traġedja għal John Zammit ta’ 51 sena mill-Imqabba wara li sfortunatament huwa tilef ħajtu waqt li kien miexi b’mutur tal-ħart biswit għalqa f’Ħal Far.

L-inċident seħħ il-Ħadd filgħodu fi Triq Ħal Far, f’B’Bugia għall-ħabta tal-10.30. Jidher li r-raġel kien miexi bil-mutur tal-ħart u għal xi raġuni mhux magħrufa, sfortunatament inqabad fih.

Fuq il-post immedjatament issejħu numru ta’ Pulziija, membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna iżda r-raġel kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.

John Zammit li kien magħruf minn kulħadd bħala Gianni kien jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni. Huwa kien deskritt minn bosta bħala persuna li kellu ferm għal qalbu lil familtu… lill-mara u lit-tliet uliedu. 

Il-Bord tad-Diretturi, il-Management u l-Istaff tal-kumpanija li magħha kien impjegat John Zammit, sellmet il-memorja tiegħu filwaqt li rringrazzjatu għas-servizz li ta fil-ħidma devota tiegħu.

Dwar dan l-inċident infetħet inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Astrid May Grima filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta
Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta