Nhar l-Erbgħa li ġej se jingħata bidu għal sena skolastika ġdida, fejn eluf ta’ studenti, kemm dawk tal- Primarja kif ukoll dawk tas-Sekondarja se jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola wara li jiġu fi tmiemhom il-vaganzi tas-sajf.
U hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-ftuħ tal-iskejjel, xorta għad hemm nuqqas ta’ għalliema fis-suġġetti tal-Matematika, tal-Ingliż, tax-Xjenza, ta’ suġġetti vokazzjonali kif ukoll l-ICT. Apparti dan, hemm ukoll nuqqas ta’ għalliema f’numru ta’ skejjel Primarji.
Ftit tal-ġimgħat ilu, Net News kien staqsa lilll-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima jekk din is-sena hux se jerġa’ jkun hemm nuqqas ta’ għalliema. Dakinhar huwa kien serħilna moħħna li se jkun hawn edukaturi biżżejjed. Iżda r-realtà jidher li hija xi fit differenti minn dak li qal il-Ministru.
Ikkuntattjat minn Net News, il-President tal-Union tal-Għalliema Marco Bonnici qal li wieħed jista’ jikkumpara s-sitwazzjoni tan-nuqqas tal-għalliema għal din is-sena ma’ kif kienet is-sitwazzjoni qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid… fejn dak i-żmien, il-problema kienet diġà qed tikber.
Marco Bonnici qal li numru ta’ edukaturi li baqgħu f’din il-professjoni minħabba l-inċertezza li ġabet magħha l-pandemija, issa qed jikkunsidraw li jitilqu minn xgħolhom u jfittxu xogħol post ieħor. Din taf twassal biex il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema tkompli tikber u toħloq iktar inċerezzi.
Apparti dan, iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed tkompli tikber il-problema ta’ nuqqas ta’ studenti li jkomplu l-istudji tagħhom f’dan is-settur. Dan hekk kif hemm nurmu ta’ suġġetti li m’hemm ebda studenti li se jkomplu l-istudji tagħhom fihom.
U lejliet li tibda sena skolastika ġdida l-Kap tal-Iskola Primarja ta’ Tas-Sliema li tifforma parti mill-Kulleġġ Santa Klara, ġiet infurmata li se titneħħa minn Kap ta’ din l-Iskola mingħajr ma ngħatat ebda raġuni.
Mossa li qajmet bosta reazzjonijiet fuq il-media soċjali hekk kif kienu bosta dawk li wrew it-tħassib għal din id-deċiżjoni li ttieħed mil-Gvern.
//= $special ?>