Lokali

Tkompli toħroġ iktar fid-deher il-qrubija bejn Joseph Muscat u Yorgen Fenech

Tkompli toħroġ iktar fid-deher il-ħbiberija bejn l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u n-negozjant Yorgen Fenech.

Dan hekk kif f’intervista li l-ġurnalist internazzjonali Stephen Grey għamel lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, bħala parti mill-podcast ‘Who Killed Daphne?’, hu stess stqarr li Yorgen Fenech kien ta’ sikwiet jiftaħ qalbu miegħu.

Filfatt Fenech kien qal lil Muscat, dejjem skont l-eks Prim Ministru, li hu kellu problema tad-droga; dipendenza li kienet hemm qabel ma kien arrestat b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Muscat qal li Fenech kien dispjaċut ferm li ddiżappuntah meta qallu li kien qed jagħmel użu mis-sustanza tal-kokaina. Iżda Muscat qallu li b’dan l-aġir kien qed jiddiżappunta lill-familja tiegħu u mhux lilu.

F’din l-intervista Joseph Muscat qal li kien diġa beda jinnota bidla fl-aġir ta’ Fenech qabel ma kien arrestat. Dan hekk kif kien ikun hemm perjodu li ma kien jirċievi l-ebda messaġġ mingħand Fenech …. u ġranet oħra fejn kien jirċievi għaxar messaġġi f’daqqa.

Huwa fatt magħruf li Joseph Muscat u Yorgen Fenech huma ħbieb kbar, tant li Muscat kien stiednu għall-famuż festin ta’ għeluq sninu fil-Girgenti lura fl-2019… il-festin li fih Fenech kien tah, bħala rigal, tliet flixken inbid Petrus b’valur ta’ kwazi 6.000 ewro.

Yorgen Fenech kien qal lill-Pulizija li matul dak il-festin kien iddiskuta ma’ Joseph Muscat l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda Muscat kien ċaħad dan kollu.

Fl-intervista tiegħu ma’ Stephen Grey, Muscat qal li ma kellu xejn x’jaħbi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech. Stqarr li dak iż-żmien kulħadd ried ikun ħabib ma’ Fenech għax kien meqjus bħala ‘l-istilla’ fis-settur tal-business f’pajjiżna.