Tliet żgħażagħ weġġgħu gravi wara li nqalbu bil-vettura wara ħabta ma’ vettura oħra li spiċċat fil-ħaxix fil-ġenb tat-triq.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-2:45 ta’ filgħodu hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq l-Ewwel Titjira, Ħal Luqa.
Il-Pulizija marret minnufih fil-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Kia Rio, misjuqa minn raġel ta’ 30 sena residenti Ħaż-Żabbar, u Toyota Corsa, misjuqa minn żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti Ħal Luqa. Konsegwenza t’hekk it-Toyota nqalbet u l-vettura l-oħra spiċċat fil-ħaxix fil-ġenb tat-triq.
Flimkien maż-żagħżugħ, kien hemm ukoll żewġ passiġġiera, tfajla ta’ 17-il sena residenti l-Birgu u ġuvni ta’ 19-il sena residenti l-Imqabba.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanzi ħadu t tliet żgħażagħ l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>