Lokali

Il-Ħadd li ġej se ssir Protesta Nazzjonali kontra s-serq tal-kwalitá tal-ħajja

"Wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni u nsemmgħu leħinna" - Bernard Grech

“Ma nistgħux nippermettu gvern li jibqa’ għaddej romblu minn fuqna lkoll. Wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni. Għalhekk qed insejjaħ lill-poplu Malti u Għawdxi biex nhar il-Ħadd li ġej niltaqgħu l-Belt Valletta fit-3pm biex ngħidu lill-gvern ieqaf israq mill-kwalitá ta’ ħajjitna. Għaliex dal-gvern qed jgħidilna għalik m’hemmx biżżejjed imma għal sħabu hemm iż-żejjed.”
 
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attivitá politika li saret fis-Sub-Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat Għawdex.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li s-sitwazzjoni fil-pajjiż sejra għall-agħar minn ġurnata għall-oħra fejn l-għoli tal-ħajja qed ikisser lil kulħadd, mill-kbir saż-żgħir bl-impatt l-iktar li jinħass mill-anzjani u l-vulnerabbli.
 
Bernard Grech saħaq li fi żmien meta l-messaġġ tal-Gvern ta’ Robert Abela hu li l-poplu se jkollu jagħmel is-sagrifiċċji fil-futur qrib minħabba l-kriżi finanzjarja li qed joħloq l-istess Gvern, Robert Abela jinsab New York akkumpanjat minn delegazzjoni enormi, komposta minn persuni li hu evidenti li ma kienx hemm għalfejn jitligħu miegħu, b’kollox imħallas minn flus il-poplu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li dan it-tberbiq tal-flus għandu jieqaf immedjatament u minflok l-investiment għandu jsir fejn hemm l-iktar bżonn.


 Saħaq jli l-inqas ma nistgħu nippermettu li l-ambjent, il-ftit li għandna f’pajjiżna jibqa’ tinqered. Huwa qal li ma nistgħux inħallu li Għawdex jitlef il-karatteristiċi tiegħu għal żvilupp bla rażan.
 
Bernard Grech semma wkoll il-kwistjoni tal-isptarijiet u flok il-miljuni li qed jingħataw lil dawk li ftehmu b’mod sigriet magħhom, il-miljuni għandhom jintefqu għall-ġid tal-poplu, fi proġetti li jgawdi minnhom il-poplu Għawdxi u Malti. Saħaq li l-flus għandna ninvestuhom fil-ħaddiema tagħna fl-isptarijiet, li batew mhux ftit waqt il-pandemija tal-COVID-19.
 
Huwa tkellem ukoll dwar stħarriġ li sar dan l-aħħar fuq is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ f’pajjiżna, fejn esprima l-inkwiet tiegħu għall-fatt li ħafna żgħażagħ iridu jħallu pajjiżna minħabba li huma mdejqin bis sitwazzjoni.
 
Stħarriġ ġdid qed juri li ż-żgħażagħ qed jaqtgħu qalbhom minn dan il-pajjiż, qatgħu qalbhom mis-sistema edukattiva, qatgħu qalbhom mill-impunitá li hawn u qatgħu qalbhom li jkollhom il-futur li dejjem ħolmu dwaru.