Internazzjonali

Il-Filippini: Ikompli jinħass l-impatt tat-Tifun Noru

Il-Filippini għadha qed tbati mill-effetti ta’ tifun ta’ qawwa straordinarja li ħalliet numru kbir ta’ djar mgħarrqin u miljuni ta’ nies mingħajr provvista tad-dawl.

Mietu wkoll ħames ħaddiema tas-salvataġġ li nġarru mill-għargħar waqt li kienu qed jippruvaw isalvaw lin-nies fid-distrett ta’ San Miguel, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Manila.

Id-distrett hu fost l-aktar li ntlaqtu ħażin mit-tifun bl-isem ta’ Noru. Dan waqt li fl-aħħar sigħat kienu qed isiru l-isforzi biex isalvaw lin-nies li kellhom jitilgħu fuq il-bjut tad-djar f’din l-emerġenza.

Intant, id-drenaġġ tħallat mal-għargħar fit-toroq, bin-nies ikunu kostretti li jimxu minnu sa qaddhom biex iwasslu l-provvisti lin-nies f’sitwazzjoni ddisprata.

It-tifun anki kkaġuna rwiefen b’veloċità ta’ 240 kilometru fis-siegħa fil-gżira ta’ Luzon fejn qed jgħixu aktar min-nofs il-popolazzjoni tal-Filippini, kkalkulata mal-110 miljuni.