Edukazzjoni Lokali

Il-Ministru jgħid li l-iskejjel tal-istat mhux se jkollhom problemi – ma jikkommettix ruħu għal oħrajn

Stennija għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida

Għal bosta studenti it-Tnejn kienet l-ewwel ġurnata tas-sena skolastika l-ġdida; lura għal bankijiet tal-iskola b’mod normali wara sentejn bir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 fis-seħħ.

Eluf ta’ studenti oħrajn, kemm tal-Primarja kif ukoll tas-Sekondarja jirritornaw fil-klassijiet f’dawn il-jiem hekk kif jiġu fi tmiemhom il-vaganzi tas-sajf.

Iżda huma bosta dawk li huma mħassba x’se jkunu qed isibu ma’ wiċċhom uliedhom, wara li taħt Gvern tal-Labour f’temp ta’ ftit snin rajna xejn inqas minn 4 Ministri tal-Edukazzjoni…bl-aħħar wieħed ikun Clifton Grima.

U proprju lill-Ministru Grima t-Tnejn filgħodu staqsejnih rigward dak li qalilna l-President tal-Union tal-Għalliema, Marco Bonnici, illi saħaq li xorta waħda għad hemm nuqqas ta’ edukaturi f’diversi suġġetti fosthom l-Ingliż, Matematika u xjenza.

Minkejja dan Clifton Grima insista li l-iskejjel tal-Istat mhu se jkollhom ebda problema ta’ nuqqas ta’ għalliema…għalkemm fuq skejjel oħra, ma kkommetix ruħu.

Sussegwentament Net News staqsa lill-President tal-MUT, li minn naħa tiegħu sostna li t-test veru se jkun nhar l-Erbgħa 28 ta’ Settembru, meta l-iskejjel tal-Istat jiftħu l-bibien tagħhom.

Dwar il-fatt li diversi edukaturi qed iħarsu lejn bnadi oħra u jitilqu minn dan is-settur tant importanti, il-Ministru tal-Edukazzjoni saħaq li l-għalliema ma jridux jagħtu każ biss il-pakkett finanzjarju.

F’kummenti ma’ Net News l-MUT saħqet li aktar ma’ jgħaddi ż-żmien aktar qed tkompli tikber il-problema ta’ nuqqas ta’ studenti li jridu jistudjaw għall-professjoni ta’ edukaturi…bil-Ministru jammetti li hemm problema u għal darb’oħra insista li ma jridux biss iħarsu lejn il-pakkett finanzjarju. Filwaqt li stqarr li hemm bżonn li l-għalliema jingħataw ir-rispett u d-dinjità li jixraqilhom.

Intant il-Partit Nazzjonalista awgura sena skolastika mill-aqwa filwaqt li rrikonoxxa l-importanza kbira mhux biss tal-edukaturi iżda anke l-kapijiet tal-iskejjel, l-amministraturi, l-LSEs u kull professjonist li bxi mod jew ieħor jagħti servizz f’dan il-qasam.