Edukazzjoni Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jawgura sena skolastika mill-aqwa

Il-Partit Nazzjonalista jawgura sena skolastika mill-aqwa hekk kif illum il-bibien tal-iskejjel Maltin jibdew jilqgħu fihom l-istudenti u l-edukaturi.

Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi l-importanza kbira tal-Kapijiet tal-Iskejjel, l-amministraturi, l-għalliema f’kull livell, il-LSEs u l-professjonisti kollha li jagħtu servizz f’dan il-qasam u jħeġġeġ lill-Gvern sabiex jagħraf din l-importanza daqstant ieħor u jżomm mal-wegħdiet elettorali li permezz tagħhom il-professjoni tkun elevata u mogħtija r-rispett li jixirqilha f’mument fejn il-pajjiż irid jibni kultura pożittiva favur il-professjoni tal-għalliema. Jistenna li l-Gvern juri sens akbar ta’ tmexxija li tkun intenzjonata biss biex minnha jiggwadanjaw it-tfal Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li fl-istudent u fl-iżvilupp tiegħu u għalhekk jistieden lill-Gvern sabiex l-investiment tiegħu fl-edukazzjoni jkun imsejjes fuq viżjoni moderna bil-għan li l-edukazzjoni tkun aktar inklussiva, li tistimula l-kreattività tat-tfal u waħda li tgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet bażiċi inkluż dawk diġitali. Għal dan il-għan, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex jikkonsulta b’mod kontinwu biex l-edukazzjoni fil-forom kollha tagħha tagħti lura l-aħjar riżultati possibbli.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tawgura li din tkun sena skolastika li fiha l-Gvern jirrispetta l-fatt li l-edukazzjoni għandha tkun fost l-akbar prijoritajiet fil-ħidma tiegħu.