Internazzjonali

Ir-Russja: Massakru ieħor fi skola… bl-aggressur joqtol lilu nnifsu fuq il-post

L-awtorijtiet Russi qed jinvestigaw massakru li seħħ sigħat ilu fi skola u wara li raġel armat kien fetaħ in-nar fuq in-nies – inklużi tfal – f’dan il-kumpless, bir-riżultat li qatel almenu 13, b’aktar minn 20 jisfaw midruba.

L-aggressur spiċċa joqtol lilu nnifsu fuq il-post tal-massakru u ma hemmx indikazzjonijiet li kellu l-kompliċi li għenuh f’din l-atroċità.

Sar magħruf ukoll li l-qattiel kien eks student ta’ din l-iskola u mhux eskluż li hu kien iħaddan twemmin estremista.

L-attakk kien l-aħħar fost sensiela ta’ sparaturi fl-iskejjel li heżżew lir-Russja fl-aħħar snin.

Intant, l-azzjoni qattiela kellha sseħħ fi żmien ta’ tensjoni kbira fir-Russja minħabba l-isforzi tal-Kremlin biex jimmobilizza l-għexieren tal-eluf tal-irġiel bi ftit esperjenza militari biex imorru jiġġieldu fil-gwerra tal-Ukrajna.

L-aħħar rapporti mix-xena tal-massakru, fil-belt ta’ Izhevsk,  irreferew għal talanqas sebat itfal maqtula fl-isparatura.

Dan waqt li l-media fir-Russja bdew jiċċirkulaw il-filmati li juru l-paniku tan-nies maqbudin fl-iskola  uwaqt li l-aggressur kien qed ikompli bil-massakru.

Filmat minnhom – li jidher li ttieħed minn telefon ċellulari — anki wera l-għadajjar tad-demm fi klassi flimkien ma’ numru ta’ tfal li kienu qed jistkennu taħt il-bankijeit waqt li kien għaddej l-attakk.

Skont l-aħħar ċifri provduti mill-awtoritajiet inqatlu anki sitt adulti, fosthom żewġ gwardjani tas-sigurtà u żewġ għalliema, waqt l-isparatura.

Sar magħruf ukoll li tmexxiet evakwazzjoni tat-tfal u l-membri tal-istaff mill-bini tal-iskola anki waqt li l-aggressur kien qed idur minn klassi għal oħra u fost l-isparar kontinwu.

L-aggressur kien armat b’żewġ pistoli

L-aggressur responsabbli mill-massakru kien identifikat bħala Artem Kazantsev u mifhum li hu kien daħal fl-iskola armat b’żewġ pistoli.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-kumitat investigattiv iċċirkola filmat li juri lill-aggressur mejjet fl-art waqt li liebes balaclava u T-shirt b’simbolu Nażista.

L-iskola inkwistjoni tinsab qrib il-bini tal-gvern ċentrali u jattendu fiha ftit aktar minn 1,000 student.

Intant, l-investigaturi qed ikomplu bi tfittxija intensiva fir-residenza ta’ Kazantsev.

Dan il-massakru ħalla sens ta’ xokk u dieqa indeskrivibbli għar-residenti ta’ Izhevsk – fejn qed tgħix popolazzjoni ta’ xi 650,000 ruħ.

Il-Kap tar-reġjun issa kkonferma perjodu ta’ luttu sal-Ħamis, it-2 ta’ Settembru, filwaqt li kelliema għall-President Russu Vladimir Putin esprimew il-kondoljanzi mar-residenzi ta’ Izhevsk u b’mod partikulari l-familji li tilfu lill-għeżież f’dan l-attakk faħxi.