Lokali

Jikkonferma li mhi ssir ebda investigazzjoni interna dwar l-iskandlu tat-testijiet għal-liċenzji

Ministru wara l-ieħor. Kulħadd jgħid li mhux hu. Iżda ħadd ma jaf min hu l-Ministru implikat fl-iskandlu tat-testijiet tal-liċenzja tal-karozzi.

U meta tistaqsihom jekk hix qed issir inkjesta interna minn naħa tal-Gvern, it-tweġiba tkun waħda. Irridu  l-ewwel nistennew dak li se joħroġ mill-Qorti.

Dan ikkonfermah ukoll il-Ministru stess li taħtu taqa’ Transport Malya – Aaron Farrugia – li ma riex jgħid xejn dwar dan l-iskandlu.

Dan ifisser li l-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma ħa ebda azzjoni dwar l-allegazzjonijiet serji li ħarġu fil-Qorti taħt ġurament, li Ministru jew Ministri jinsabu implikati fi skandlu li ppermetta lil xi nies jgħaddu mit-test tal-liċenzja tal-karozza b’mod korrott.

Il-Ministru tat-Trasport assigurana li hu mhuwiex il-Ministru implikat f’dan l-iskandlu.

Mill-indikazzjonijiet li ħarġu sa issa jidher li fost l-applikanti li ġew aġevolati kien hemm persuni li kienu qed jaħdmu fil-villa tal-Ministru msemmi fil-Qorti, li sa issa, ħadd ma jaf min hu. Għalkemm skont dak li ħareġ fil-Qorti jidher li dawn il-privileġġi kienu qed jingħataw minn għadd ta’ Ministeri.

Sa issa ħadd mill-Ministri tal-Gvern ma ġarr ir-responsabbiltà politika għal dak li kien għaddej fi Transport Malta fl-aħħar snin. Dan filwaqt li hemm numru ta’ ħaddiema fi ħdan Transport Malta li ġew sospiżi sakemm għaddej il-każ fil-Qorti.