Internazzjonali

Kenja: Diversi mejtin u mitlufa fost il-kroll ta’ bini

Numru ta’ persuni mietu, b’oħrajn jindarbu fil-kroll ta’ bini ta’ sitt sulari u li seħħ fl-inħawi ta’Kiambu, fiċ-ċentru tal-Kenja.

Filwaqt li l-kaġun tal-kroll baqa’ mhux magħruf jidher li kien għaddej ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq dan il-bini sa sigħat qabel ċeda.

Fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin l-isforzi tas-salvataġġ fuq is-sit tal-kroll, bil-ħaddiema għall-emerġenzi jirnexxilhom itellgħu tifel minn taħt it-tifrik.

Jidher ukoll li xi nies oħra kienu salvati minn taħt id-radam iżda wħud minnhom xorta waħda tilfu ħajjithom b’kaġun tal-ġrieħi li ġarrbu.

Din mhix l-ewwel darba li krolla bini fil-Kenja u meta dawn it-traġedji kienu dovuti għal stili ta’ kostruzzjoni u disinji strutturali li ma kenux tal-livell meħtieġ.

Intant, il-bini inkwistjoni ċeda direttament għal fuq bini ieħor maġenbu, bl-awtoritajiet ma jafux kemm jista’ għad fadal nies taħt it-tifrik.