Nifmhu l-ħafna xogħol siewi li twettqu…nifhmu wkoll li wasal iż-żmien li jkun hemm titjib fil-liġi sabiex ikolkom l-għajnuna kollha neċessarja ħalli toperaw kif jixraqilhom.
Irridu nsibu soluzzjoni għall-isfidi li tħabbtu wiċċkom magħhom, sabiex inkabbru u nsaħħu dan is-settur.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta akkumpanjat mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista, Kelliem għas-Self Employed, l-Intrapriżi Żgħar u l-Koperattivi Robert Cutajar flimkien mal-President tal-Forum SMEs Partit Nazzjonalista Julian Galea..iltaqgħu ma’ Koperattivi Malta kif ukoll mal- Federazzjoni tal-Koperattivi f’ laqgħat separati.
Matul il-laqgħat ġew diskussi diversi temi – inkluż, fejn hemm bżonn ta’ għajnuna u fejn il-Partit Nazzjonalista, minkejja li mhux fil-Gvern, xorta waħda jista’ jagħti l-ispinta tant bżonnjuża f’dan is-settur.
Net News tkellem mal-whip Nazzjonalista Robert Cutajar illi saħaq li l-PN se jkun qiegħed jagħmel dak kollu li jista’ sabiex iwassal leħen il-Koperattivi fl-ogħla istituzzjonijiet.

Dan filwaqt li Julian Galea saħaq dwar il-bżonn tal-għarfien rigward dawn il-koperattivi, dwar il-bżonn li anke iż-żgħażagħ jingħataw l-edukazzjoni xierqa dwar dan il-qasam. Dan filwaqt li fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li imbutta dan il-kunċett u saħħu.


