F’Ottubru li ġej, se tkun qed tittella’ l-opra Carmen fit-Teatru Astra ta’ Għawdex.
L-opra ta’ Georges Bizet tenfasizza żewġ tipi ta’ karattri: il-femme fatale, u sentimental heroine. Carmen, iż-żingara sabiħa u avventuruża li tisseduċi lil Don Jose’ hija l-oppost ta’ Micaela, żagħżugħa, mistħija u fiduċjuża, filwaqt li wkoll involuta emozzjonalment ma’ Don Jose’. Carmen hija l-femme fatale perfetta; eżotika, indipendenti, u kunfidenti biżżejjed biex tuża s-sesswalità għall-vantaġġi tagħha. Micaela mill-banda l-oħra hija l-mara ideali tas-seklu 19; modesta u innoċenti. L-għażla tal-kantanti għal dawn il-karattri hija ferm importanti.
Dawn il-karatteristiċi fil-karattru kienu r-raġuni wara l-għażla ta’ Teatru Astra ta’ Sanja Anastasia għar-rwol principali ta’ Carmen.
Il-Mezzo Sopran mis-Serbja mhijiex wiċċ ġdid fit-Teatru Astra, wara is-sehem tagħha fl-Aida u Il Trovatore fejn tassew tat-pjaċir kbir lill-udjenza preżenti. Sanja kienet saħansitra magħżula biex tkanta dan ir-rwol fl-Arena di Verona fejn kisbet kritika pożittiva ħafna fl-isfera internazzjonali. Il-vuċi b’saħħitha tagħha hija magħrufa għaliha kullimkien, filwaqt li l-abbiltajiet tagħha ta’ reċtar ċertament li jwasslu emozzjonijiet imħallta lill-dawk preżenti.
Il-kontroparti tagħha, Micaela, se tkun interpretata mis-sopran Ġorġjana Tea Purtseladze, magħrufa għall-wirjiet tagħha fil-ftuħ taċ-ċerimonji tan-nomini għall-Oscar tal-2020 flimkien ma’ Andrea Bocelli, u talli ġiet magħżula mit-tenur Marcello Giordani biex twettaq ir-rwol ta’ Tosca flimkien miegħu. Purtseladze hija magħrufa li għandha t-tip ta’ vuċi operistika perfetta, peress li kella r-rwol f’diversi teatri u festivals l-aktar prestiġjużi tal-Ewropa. Purtseladze ġiet imfaħħra minn Renata Scotto bħala attriċi kbira għar-rwol ta’Micaela, peress li tfakkar lill-istess Scotto fl-elokwenza artistika tagħha stess u l-preżenza fuq il-palk.
Don Jose’ se jkun interpretat mit-tenur Urugwajan Carlo Ventre, isem kbir ieħor internazzjonali tal-kast, li jipparteċipa ta’ spiss f’Ruma, Verona, Frankfurt, Munich, Budapest, Palermo, il-Metropolitan ta’ New York, u fuq kollox it-Teatro Alla Scala ta’ Milan, fejn hu sab ruħu b’Riccardo Muti bħala l-konduttur li għażlu biex jagħmel ir-rwol tad-Duka f’Rigoletto. Ventre huwa tenur lirico-spinto magħruf, li jimxi bil-grazzja fuq il-passi ta’ prekursuri illustri bħal Gigli u Bjorling, u żgur li se joffri dehra sabiħa fuq il-palk tat-Teatru Astra.
Escamillo, it-tenur li Carmen iddawwar l-attenzjoni lejh, u konsegwentement titlef l-attrazzjoni tagħha lejn Don Jose’’, se jkun interpretat mill-baritonu Rumen Serban Vasile, li għalkemm ta’ età pjuttost żgħira, diġà ħalla l-marka tiegħu fid-dinja tal-opra billi rebaħ diversi konkorsi, u anke’ deher fdan ir-rwol f’ numru kbir ta’ produzzjonijiet madwar id-dinja. Fost l-oħrajn deher ukoll fir-rikording ta’ Decca ta’ Falstaff fil-Metropolitan ta’ New York taħt id-direzzjoni ta’ James Levine.
It-talent lokali ma‘ jistax jintesa ġewwa it-Teatru Astra, li hu magħruf għad-debutt ta’ artisti ta’ fama mondjali bħal Joseph Calleja. Din il-produzzjoni ser tkun magħmula ukoll minn artisti lokali bħal Nicola Said bħala Frasquita u Marvic Monreal bħala Mercedes, kif ukoll Noel Galea u l-baritonu bravissimu Għawdxi Charles Buttigieg bħala Zuniga u Morales rispettivament. El Remendado u El Dancairo se jkunu qed jiġu interpretati minn Alberto Munafò u Federico Parisi rispettivament.
Din il-produzzjoni se tkun taħt id-direzzjoni artistika ta’ Enrico Stinchelli, bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Maltija taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dr John Galea, u l-kor tal-opra tat-Teatru Astra immexxi minn Mariella Spiteri Cefai. F’din l-opra ser jiehu sehem ukoll il-Kor tat-Tfal tat-teatru, Piccole Stelle, taħt id-direzzjoni ta’ Sylvana Attard. Bħala żfin, f’din l-opra se jieħdu sehem żewġ kumpaniji, waħda immexxija minn Sarah Grech tad-Dance Narratives, u l-oħra minn Ingrid Sciberras u Estelle Sant mill-Alegria Dance Company.
Carmen ser tkun qed tittella’ fit-Teatru Astra fis 27 u 29 ta’ Ottubru bħala il-qofol tad 19-il edizzjoni tal-Festival Mediterranea. Iktar informazzjoni dwar din l-opra tista’ tinkiseb fuq www.teatruastra.org.mt.
//= $special ?>