Lokali Qorti

Xhud ewlieni jinstema’ bil-magħluq fil-każ tal-Maksar, Jamie Vella u George Degiorgio

Il-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-aħwa Robert u Adrian Agius, George Degiorgio u Jamie Vella, kompliet illum b’seduta oħra li nżammet, fil-biċċa l-kbira, bil-bibien magħluqa. Meta dalgħodu ssejjaħ il-każ quddiem il-maġistrat Caroline Farrugia Frendo, l-avukat William Cuschieri rrinunzja formalment biex ikompli jidher għal George Degiorgio. Il-Qorti ħatret lil Cynthia Tomasuolo bħala avukat tal-għajnuna legali biex tassisti lil Degiorgio.

Huma bħalissa qed jiffaċċjaw proċeduri marbuta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kif ukoll mal-qtil fl-2015, tal-avukat Carmel Chircop. Il-Prosekutur Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, talab lill-qorti biex tisma’ s-seduta bil-bibien magħluqa, peress li kien hemm xhud ta’ natura sensittiva li tista’ tippreġudika proċeduri oħra li għaddejjin.

L-Avukat Francesca Zarb talbet ukoll lill-qorti biex jiġi pprojbit il-pubblikazzjoni tal-isem tax-xhud. Il-qorti staqsiet lid-difiża jekk kienx hemm oġġezzjoni għal din it-talba. Alfred Abela ma oġġezzjonax din id-darba, u indika l-argumenti tiegħu li saru f’għadd ta’ seduti preċedenti, li kollha ġew miċħuda.

“Jien diġà oġġezzjonajt mitt darba,” qal, rassenjat l-Avukat. Il-Qorti ddeċidiet li dan ix-xhud partikolari se jinstema’ l-aħħar, sejjħet lill-bqija tax-xhieda biex jixhdu l-ewwel. L-ewwel xhud kien traduttur maħtur mill-qorti, li esebixxa kopji tax-xhieda preċedenti, mogħtija minn Matthew Caruana Galizia u esperti tal-Europol fil-31 ta’ Awwissu, li kienu ġew tradotti mill-Ingliż għall-Malti.

Wara fuq il-pedana tax-xhieda tela’ l-kuntistabbli tal-Pulizija mill-Uffiċċju tal-Armi tal-Pulizija, li esebixxa r-riżultati tat-tfittxija tiegħu fir-rekords tal-pulizija tal-liċenzji għall-manifattura u l-pussess ta’ splussivi maħruġa lil Adrian Agius jew Jamie Vella.

Ma nstab l-ebda riżultat, huwa qal. Is-seduta mbagħad kompliet wara bibien magħluqa. Is-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shawn Pawney u Wayne Camilleri qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-prosekuturi Anthony Vella u Godwin Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat dehru l-avukati Alfred Abela, Rene Darmanin u Ishmael Psaila.