Futbol

GFA l-Ewwel Diviżjoni: Kerċem u Qala fil-quċċata

Kerċem Ajax u Qala Saints kisbu rebħiet fil-konfronti tagħhom mir-raba’ ġurnata tal-Ewwel Diviżjoni biex issa jinsabu t-tnejn li huma fl-ewwel post b’għaxar punti kull wieħed. Kerċem rebħu l-konfront kontra Sannat Lions faċilment bl-iskor ta’ 6-0 filwaqt li Qala għelbu lil Victoria H 3-1.

Kerċem Ajax 6-0 Sannat Lions

Kerċem Ajax komplew bil-wirjiet brillanti tagħhom u f’partita li ddominaw għal kollox għelbu lil Sannat Lions 6-0. Kerċem fetħu l-iskor wara biss sitt minuti permezz ta’ Gabriel Cardona biex fit-12-il minuta kien Marcos Vinicius Da Costa Soares Da Silva li għamel l-iskor 2-0. Għaddew biss żewġ minuti u t-tim immexxi minn Elton Vella għamilhom 3-0 b’gowl ta’ Gabriel Cardona li għaqqad dopjetta personali. Man-nofs siegħa logħob Kerċem ingħataw penalty li nkaariga ruħu minnu Luiz Henrique Santana Motta li għalaq l-ewwel taqsima 4-0.

Fit-tieni taqsima l-istorja baqgħet l-istess u fis-56 minuta rega’ kien Marcos Vinicius Da Costa Soares Da Silva li skorja t-tieni gowl persoanli tiegħu u l-ħames wieħed għal Kerċem. Is-sitt u l-aħħar gowl wasal fil-91 miuta permezz ta’ Andrew Mizzi

Referee: Emmanuel Grech

Qala Saints 3-1 Victoria Hotspurs

Qala wkoll ikkonfermaw il-livell fl-iskwarda li għandhom dan l-istaġun meta għelbu lil Victoria Hotspurs 3-1. Minn naħa l-oħra l-Hotspurs komplew bil-bidu diżatruż tagħhom fejn minn erba’ partiti huma l-uniku tim li m’għandux punti.

Kienu Victoria li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Christian Vella biex minuta wara kellhom l-opportunità li jirdoppjaw minn penalty iżda Elton Da Silva tefa’ għoli. Qala ġabu d-draw fil-35 minuta b’gowl minn Rafael Conrado Prudente biex l-istess plejer irdoppja u tefa’ lil Qala fil-vantaġġ għaxar minuti wara. Is-Saints issiġillaw ir-rebħa fit-73 minuta b’gowl ta’ Julian Yoiti Suzuki Bicudo.

Referee: Daniel Portelli