Sport Waterpolo

Ġimgħat mill-aqwa għar-referees Maltin tal-waterpolo fl-ogħla kompetizzjonijiet internazzjonali

Artiklu: Stewart Said

Ir-riżultati pożittivi li kisbu t-timijiet nazzjonali Maltin tal-waterpolo fl-aħħar xahar ħallew impatt ukoll fuq is-settur tar-referees f’pajjiżna. Dan hekk kif ma’ parteċipazzjoni internazzjonali, referee Malti jitla’ mal-kontinġent u jkun wieħed mill-grupp ta’ referees li jikkontrollaw logħbiet f’tournaments ta’ prestiġju.

Ronnie Spiteri

Bejn il-21 u s-27 ta’ Awwissu, it-tim nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena pparteċipa fil-Kampjonat tad-Dinja f’Volos fil-Greċja. Ir-referee Malti f’din il-kompetizzjoni kien Ronnie Spiteri. Hu kkontrolla xejn anqas minn seba’ logħbiet. Dawn huma Montenegro v Latvja, Greċja v Żvizzera, Żvizzera v Ġappun, Montenegro v Spanja, Ażerbajġan v Polonja u Montenegro v Greċja kif ukoll il-finali tal-Kampjonat tad-Dinja bejn il-Greċja u l-Ungerija.

Peter Balzan

Eżatt mat-tmiem ta’ din il-kompetizzjoni, kien imiss lit-tim nazzjonali tal-irġiel li jieħu sehem fil-Kampjonat Ewropew fi Split fil-Kroazja. Għat-tieni darba fil-karriera tiegħu, ir-referee veteran Peter Balzan ikkontrolla partiti mill-aktar kompetizzjoni importanti fil-waterpolo Ewropew. Hu kien parti mit-tim li kkontrollaw il-logħbiet Italja v Slovakkja, Montenegro v Slovakkja, Slovakkja v Slovenja filwaqt li kien Goal Judge fil-finali bejn l-Ungerija u l-Kroazja.

Massimo Angileri

Proprju ftit jiem ilu, ir-referee Massimo Angileri kkontrolla diversi partiti mill-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena fil-Montenegro, preċiżament f’Podgorica. Hu kkontrolla l-logħbiet Montenegro v Franza, Slovakkja v Georgia, Montenegro v Turkija, Italja v Franza, Montenegro v Kroazja u l-logħba għal min jispiċċa fil-11-il post bejn Georgia u Franza.

Impenji fl-2022

Dawn l-appuntamenti jkomplu jżidu l-impenji tar-referees Maltin hekk kif fl-aħħar ġimgħat kemm Ronnie Spiteri u Richard Magri kkontrollaw logħbiet ta’ taħt is-16 u t-18-il sena f’Avezzano fl-Italja.

Is-sena 2022 kienet waħda pożittiva għal Malta Waterpolo Referees Association. Peter Balzan u Massimo Angileri kkontrollaw logħbiet mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-irġiel u n-nisa.

F’Marzu, Ronnie Spiteri u Peter Balzan ikkontrollaw logħbiet mill-kampjonati A2 u A1 tal-Italja rispettivament. Imbagħad f’April, Massimo Angileri u Ronnie Spiteri saru l-ewwel żewġ referees Maltin li kkontrollaw flimkien logħba mit-Tieni Diviżjoni Taljana.

Fl-istess xahar, ir-referee Neville Mercieca kien parti mill-grupp ta’ referees li kkontrollaw logħbiet mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena. Imbagħad f’Lulju imbagħad Peter Balzan u Stefan Licari kellhom impenji fl-Italja.

Stefan Licari u Peter Balzan (Ritratt: Joseph Galea)