Sport Sport Ieħor

Handball: Swieqi Phoenix jirbħu s-Super Cup tal-irġiel u tan-nisa

Swieqi Instacoins Phoenix 37-35 Kavallieri RS2

L-ewwel taqsima kienet affari pjuttost bilanċjata li rat lil Swieqi Instacoins Phoenix minn fuq bi 3 gowls. Il-differenza żdiedet għal 8 gowls sat-53 minuta tal-partita. F’dan il-punt, Kavallieri RS2 qalbu għal difiża aktar offensiva u rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal gowl wieħed biss minuta mit-tmiem. Madankollu, Matthew Spiteri kiseb ir-rebħa għat-tim tiegħu bl-aħħar gowl 30 sekonda mit-tmiem. Christian McClean u Benjamin Spiteri skurjaw 9 u 8 goals rispettivament għal Swieqi Instacoins Phoenix filwaqt li Liam Harrison (9 goals) u d-debuttant Jules Foureau (8 goals) kienu l-aqwa skorers għal Kavallieri RS2. Fi tmiem il-partita, is-Sur Paul Zammit, President tal-Malta Handball Association ippreżenta s-Super Cup lill-captain ta’ Swieqi Instacoins Phoenix Clinton Mifsud.

Swieqi Media Troopers Phoenix 31-26 Kavallieri RS2

Swieqi Media Troopers Phoenix rebħu l-ewwel trofew tal-istaġun f’partita li wriet wirja tajba ta’ handball miż-żewġ timijiet. Swieqi bnew vantaġġ ta’ 2 gowls mal-15-il minuta u kabbruh għal 4 sa tmiem l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima, il-partita żammet l-istess ritmu b’Kavallieri inaqqsu d-distakk għal 2 gowls fis-57 minuta. Kien f’dan il-mument, li Swieqi Media Troopers Phoenix reġgħu żiedu d-differenza għal 5 gowls biex rebħu l-partita. Dragica Mitrova (Swieqi Media Troopers Phoenix) kienet l-aqwa skorer tal-partita bi 11-il gowl. Fi tmiem il-partita, Dr Julian Bauer mill-European Handball Federation ippreżenta s-Super Cup lill-captain tas-Swieqi Media Troopers Phoenix, Natasha Celic.