Internazzjonali

Il-Ġappun: Isir il-funeral kontroversjali ta’ Shinzo Abe

Il-funeral statali li qed isir għall-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe hu biss it-tieni wieħed fuq dan il-livell għal politiku (fil-Ġappun) minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Shinzo Abe, li kellu 67 sena, kien l-aktar Prim Ministru Ġappuniż li dam iservi fil-kariga. Hu spiċċa maqtul f’Lulju meta aggressur sparalu diversi tiri ftit wara li Abe kien indirizza avveniment politiku. Il-qtil kien ixxokkja lill-pajjiż u rriżulta f’mewġa ta’ niket fuq bażi nazzjonali għal politiku li qatt ma kellu daqstant popolarità mal-elettorat.

Filwaqt  li eluf ta’ mistednin – inklużi mexxejja lokali u fuq livell globali – qed jattendu għall-funeral ta’ Shinzo Abe, l-avveniment anki qanqal reazzjoni furjuża mill-attivisti li kienu l-kontra l-funeral. Dan waqt li saret dimostrazzjoni speċifika mill-folol li nġabru barra l-bini tal-Parlament biex ikomplu bl-oppożizzjoni għall-funeral ta’ Abe li kien qed isir fil-Budokan ta’ Tokjo.

Fil-fatt, jum il-funeral kellu jirrifletti qasma ċara fis-soċjetà Ġappuniża minbarra li fakkar fil-wirt politiku kumplikat – u kemm-il darba diviżiv – tal-Prim Ministru Abe.

Hu sinifikanti wkoll li madwar 60 fil-mija tal-Ġappuniżi kienu esprimew ruħhom kontra l-funeral waqt l-aħħar stħarriġ fuq livell popolari.