Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Putin lest biex jikkonferma ż-żieda tar-reġjuni Ukreni mal-Federazzjoni Russa

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, mistenni li jħabbar dalwaqt iż-żieda tar-reġjuni Ukreni okkupati mir-Russi mal-Federazzjoni tar-Russja – l-istess bħalma kien seħħ bil-penisola tal-Krimea waqt l-ewwel xhur tal-2014.

Il-Ministeru tad-Difiża fir-Renju Unit qed jistenna li Putin jikkonferma dan il-pass proprju nhar il-Ġimgħa u meta l-Punent qed jikkundanna l-aġir tal-President Russu li jrid akkost ta’ kollox ikompli jnaqqar mit-territorju tal-Ukrajna.

Għaldaqstant, Vladimir Putin, nhar il-Ġimgħa, kapaċi jħabbar din iż-żieda tar-reġjuni meta jasal biex jindirizza lill-Parlament f’Moska.

Dan ukoll meta din hi l-aħħar ġurnata tal-votazzjoni fir-reġjuni okkupati tal-Ukrajna u fejn ir-residenti – permezz ta’ referendum – qed jesprimu ruħhom dwar jekk iridux jiffurmaw parti mir-Russja.

Il-votazzjoni, imqassma fuq diversi jiem, qed tkun imfissra bħala ‘finta’ u eżerċizzju ‘falz’ mill-Punent li bl-ebda mod mhu qed jaħseb biex jirrikonoxxiha. Min-naħa tagħha, l-Ukrajna qed tisħaq li r-riżultat tal-votazzjoni ilu deċiż minn Putin u l-Kremlin li se jużaw ir-riżultat bħala skuża għall-ħtif illegali ta’ aktar territorju Ukren.