Lokali

Il-Ministru Bartolo jibqa’ jiddefendi l-Avviż Legali tal-mużika fil-Belt Valletta

Il-Belt kapitali ilha aktar minn 10 snin li ħadet il-ħajja grazzi għall-investimenti kbar li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti… iżda skont il-Ministru tat-Turiżmu, kien issa li l-belt ingħatat il-ħajja, grazzi għall-mużika li qed tindaqq fit-toroq.

Waqt konferenza li kienet organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ biex ikun diskuss il-futur tat-turiżmu f’pajjiżna, il-Ministru Clayton Bartolo, f’sentenza waħda kkontradixxi lilu nnifsu.

“Rajna l-Belt Kapitali tieħu l-ħajja mill-ġdid,” qal il-Ministru Bartolo. “Żgur mhux l-intenzjoni tal-Gvern li nirreplikaw dak li wieħed isib f’San Ġiljan u f’Paceville.”

Dan filwaqt li qal li wieħed għandu jirrispetta l-interess ta’ kull persuna…

“Irrid inkun ċar – wieħed għandu jaħseb fl-interess ta’ kulħadd u mhux tiegħu nnifsu biss,” qal Clayton Bartolo.

… anke jekk fl-aħħar xhur, diversi surveys urew kif madwar 60% huma kontra d-daqq tal-mużika fil-Belt Valletta li jibqa’ sejjer sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Fatt illi juri biċ-ċar kif il-Ministru qed jagħmel l-oppost ta’ dak li qed jipriedka…u jinjora kompletament l-opinjoni u l-bżonnijiet tan-nies.

Waqt din il-konferenza, il-Kelliem tal-PN għat-Turiżmu, Robert Arrigo qal li wieħed għandu jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-belt kapitali li tant tilqa’ Maltin u barranin.

“Nemmen li l-Belt hi djamant li tiġbdek lejha,” qal Robert Arrigo. “Għandna naddattaw dawn il-Belt skont il-bżonn. Il-Belt għandha tkun post fejn il-mużika ma tinbidelx fi storbju.”

Waqt waħda mid-diskussjonijiet li saret tul din il-konferenza, intqal il-kapitali taghna ghandha tkun post ġenwin li ma ssib imkien bħalha, ghaliex il-Belt  għandha rwol importanti li tirrapreżenta s-soċjetà Maltija.