Lokali Qorti

Il-qtil fil-Munchies Bar: CCTV technician jgħid li David Busuttil kien iċempillu diversi drabi għall-assistenza

Technician li kien installa sistema ta’ CCTV fil-Munchies Bar qal fil-Qorti li kien sejjaħ lil sid il-bar David Busuttil waqt li dan tal-aħħar kien arrestat, minħabba li kien sab messaġġ mingħand Busuttil, li ta’ spiss kien isejjaħlu għall-assistenza, fejn kien jitolbu biex jgħinu.

Busuttil ta’ 59 sena, sid il-Munchies Bar f’Buġibba, jinsab mixli bil-qtil ta’ Roger Dudley-Ward ta’ 60 sena, li miet wara li waqa’ fit-taraġ tal-bar wara argument mal-akkużat. Busuttil jinsab mixli wkoll li kkawża ferita gravi, li pprova jħassar il-provi u li kiser il-paċi pubblika.

Bħalissa huwa jinsab fuq libertà proviżorja, wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest waqt l-ewwel seduta wara li tressaq il-Qorti. Waqt l-aħħar seduta, surġent tal-pulizija kien qal lill-Qorti kif il-mobile ta’ Busuttil beda jċempel waqt li kien arrestat fl-għassa tal-Qawra.

“Meta ċċekkjajt lil min kien qed isejjaħlu, rajt li kien kuntatt salvat bħala ‘Mark Genovese CCTV cameras,'” kien qal is-surġent. Genovese, li kien imbagħad ġie msejjaħ għall-interrogazzjoni mill-pulizija u aktar tard kien ta stqarrija. Meta reġa’ kompla l-każ quddiem il-maġistrat Doreen Clarke, il-prosekuzzjoni bagħtet Genovese, tekniku li jinstalla CCTV u sistemi ta’ allarm, fuq il-pedana tax-xhieda.

Genovese qal li kien ilu aktar minn 10 snin fin-negozju tas-CCTV u għaraf lill-akkużat fil-Qorti, u spjega li kien ħadem ukoll fuq is-sistemi ta’ allarm tiegħu aktar kmieni din is-sena. Mistoqsi jekk Busuttil kienx ikkomunika miegħu minn Marzu, huwa qal li ma kienx ċert.

“Ma nafx, iċempelni biex nitfi l-allarm tan-nar, għax ma kienx jaf kif juża’ l-allarm. L-aħħar darba, irċevejt messaġġ li kien jgħid “meta nqum nċempillu.” Ix-xhud intwera stampa ta’ chat bejnu u l-imputat li kien ġie ritratt fuq il-mowbajl minn uffiċjal tal-pulizija.

Huwa kkonferma li ċ-chat kien sar fil-11 ta’ Ġunju. Qal li kien qed iwieġeb messaġġ li wasal mingħand l-akkużat. “Ċempiltlu malli qomt. Ħadd ma wieġeb. Kien mixgħul, iżda ħadd ma qabad il-mobile. Ħames minuti wara sibt telefonata mill-kwartieri ġenerali tal-pulizija, li qaluli li qed iċempluli għax ċempilt in-numru u talbuni mmur id-depot.”

“Kont mistoqsi kif naf u, għaliex bagħatli. Ma kontx naf għaliex bagħatli. Rajt il-messaġġ u weġibtu. Ingħatajt struzzjonijiet mill-pulizija biex ma nitkellemx miegħu u ma tkellimtx miegħu.” Kontro-eżaminat mill-avukat Franco Debono, ix-xhud ikkonferma li Busuttil spiss kien isejjaħlu għall-assistenza.

“Hu kien għadu ma jifhimx fuq is-sistema meta ġew għal dawn l-affarijiet. Lanqas ma kien jaf kif jixgħel l-allarm, kull ġimgħa kien iċempilli dwar xi ħaġa.” Il-Qorti rrimarkat li t-telefonati jidhru li saru l-aktar matul il-lejl. Dan għaliex l-allarm tan-nar kien jintefa’ u Busuttil ma kienx jaf kif jitfih, spjega x-xhud.

Aktar tard fis-seduta, il-qorti laqgħet talba tad-difiża biex ir-ristorant jinħeles mill-kustodja tal-qorti, fid-dawl tal-fatt li l-prosekuzzjoni ma kinitx oġġezzjonat. Il-maġistrat awtorizza lill-espert maħtur mill-qorti biex jgħaddi ċ-ċwievet. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri huma l-avukati difensuri tal-akkużat. Il-Prosekutur Abigail Caruana Vella dehret f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Ispettur Ryan Vella deher għall-prosekuzzjoni.