Ekonomija Lokali

Indikazzjoni ta’ żieda fl-inċertezza ekonomika; ir-rata tal-għoli tal-ħajja titla’ għal 7%

L-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju għal Awwissu jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali jinsab viċin ħafna tal-medja storika stmata sa minn Jannar 2000. Dan ħareġ minn stqarrija ppubblikata llum mill-istess Bank Ċentrali.

L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f’Malta niżel f’Awwissu meta mqabbel max-xahar ta’ qabel u kien taħt il-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002.

Meta mqabbel ma’ Lulju, is-sentiment iddeterjora sew fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u, b’rata inqas qawwija, fl-industrija u fost il-konsumaturi.

Min-naħa l-oħra, is-sentiment tjieb fis-setturi tas-servizzi u l-kostruzzjoni.

L-istħarriġ juri wkoll li meta mqabblin ma’ Lulju, l-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fl-industrija u l-kostruzzjoni, iżda żdiedu fis-setturi l-oħra. L-akbar żieda ġiet irreġistrata fis-settur tas-servizzi.

L-Indikatur ta’ Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdied meta mqabbel ma’ Lulju u jindika żieda fl-inċertezza. Dan kien xprunat l-aktar mis-settur tas-servizzi.

F’Lulju, il-produzzjoni industrijali żdiedet f’termini annwali, wara tnaqqis fix-xahar ta’ qabel. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied minn sena għal sena.

Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 2.9% f’Lulju, l-istess bħal xahar qabel, u l-aktar rata baxxa qatt irreġistrata.

Il-permessi għal bini kummerċjali u residenzjali naqas f’Lulju, meta mqabbla mal-livelli ta’ sena ilu. F’Awwissu, kemm il-konvenji u kif ukoll il-kuntratti ta’ bejgħ żdiedu meta mqabbla ma’ sena ilu, għalkemm dawn kienu inqas minn ta’ Lulju.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet ta’ 7.0% f’Awwissu, aktar minn 6.8% fix-xahar ta’ qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-In