Lokali Parlament

Konrad Mizzi se jerġa’ jidher quddiem il-PAC

L-ex ministru Laburista Konrad Mizzi se jerġa’ jittella’ jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex jixhed dwar kuntratt li kien żvelat fil-media fl-aħħar ġimgħat u li kien sar ma’ SOCAR.

Il-Kumitat kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott waqt li d-deputati Nazzjonalisti David Agius u Graham Bencini rrappreżentaw lill-Oppożizzjoni. Id-deputati Laburisti Andy Ellul, Glenn Bedingfield, Alex Muscat u l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo huma l-membri f’isem il-Gvern.

Fil-bidu tal-laqgħa, il-President tal-Kumitat Darren Carabott qal li l-Enemalta qed tgħid li m’għandhiex traċċa ta’ ittra pubblikata minn The Shift News u talab ukoll kjarifika mill-Enemalta dwar ittra mibgħuta fit-28 ta’ Jannar 2014 li ssejjaħ għal laqgħa tal-Bord tad-Diretturi li saret tliet xhur qabel.

Hu talab ukoll kjarafika dwar email mibgħuta fid-9 ta’ Marzu 2014 li tagħmel riferenza għall-proġett tal-windfarms fil-Montenegro.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott ippreżenta wkoll ittra mill-Oppożizzjoni biex għas-seduta li jmiss jerġa’ jissejjaħ l-ex ministru Konrad Mizzi dwar il-fatti relatati mal-kariga li kellu u r-relazzjoni mal-Enemalta.

Id-deputat Laburista Andy Ellul qal li min diġà ġie msejjaħ biex jixhed ma jistax jerġax jissejjaħ jixhed. Hu qal li l-gvern ma jistax jaqbel mal-Oppożizzjoni dwar dan għaliex jidher li l-Oppożizzjoni għandha struzzjonijiet differenti. M’għandna l-ebda oġġezzjoni li Konrad Mizzi jerġa’ jixhed iżda minn issa ‘l quddiem il-gvern mhux se jaċċetta li min xehed jerġa’ jittella’ jixhed, sostna Andy Ellul.

Id-deputat Nazzjonalista David Agius qal li hemm fatti ġodda il dwarhom Konrad Mizzi se jissejjaħ biex jixhed dwarhom.

Iċ-Chairman Darren Carabott qal li kien zvelat fil-media li kien hemm ftehim sigriet li għalih il-gvern kien għamel garanti bi flus il-poplu.

Id-deputat Laburista Andy Ellul qal li kien se jwieġeb għal dan waqt li Darren Carabott staqsa jekk Andy Ellul hux l-avukat ta’ Konrad Mizzi.

Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li l-kuntratt ma kienx sigriet u għalhekk m’hemmx fatti ġodda għaliex hu inkluż fir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Hu qal li Konrad Mizzi diġà xehed dwar dan f’70 okkażjoni dwar is-supply tal-gass tal-Enemalta.

Il-kumitat qabel li Konrad Mizzi jissejjaħ biex jerġa’ jixhed.

Fix-xhieda tiegħu fis-seduta l-Inġinier Jonathan Scerri, li kien direttur tal-Enemalta, qal li fl-istess ħin li ken qed isir il-proċess mill-Enemalta għall-impjant tal-LNG, l-Enemalta kienet qed tikkunsidra pipeline tal-gass u li jingħata kumpens mhux taxxabbli.

Jonathan Scerri qal li kien tkellem ma’ Lara Boffa, li kienet membru fil-Bord tad-Diretturi, fil-laqgħa li fiha ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-power station u li hi kienet wieġbet li kienet tħoss li kien hemm affarijiet neqsin u għalhekk ivvotat kontra. Hu qal li Lara Boffa ma kinitx staqsiet mistoqsijiet fil-laqgħa waqt li membri oħra għamlu numru ta’ mistoqsijiet.

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara xehed u qal li l-Uffiċċju ma jridx jidħol f’polemiċi bla bżonn għax xogħlu mhux kwistjoni ta’ opinjoni iżda ta’ evidenza. Aħna naċċettaw kull kritika iżda ħadd m’għandu dritt jipprova jimminna x-xogħol tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali; l-Enemalta qablet mar-rakkomandazzjonijiet tagħna, sostna l-Awditur Ġenerali, li kompla li kien hemm anki każi li fihom l-Enemalta ma tatx id-dokumentazzjoni u informazzjoni mitluba.

Jirriżulta minn din ix-xhieda li l-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali kellu kopja tal-kuntratt li kien żvelat fl-media. L-Awditur Ġenerali qal li kien hemm okkażonijiet li fihom l-Enemalta ma kinitx tagħti l-informazzjoni kollha mitluba lill-Awditur Ġenerali f’din l-investigazzjoni tant li l-Uffiċċju kellu saħansitra jmur online biex jikseb ċertu informazzjoni.