Lokali Qorti

Kumpens ta’ €28,000 fuq tkeċċija inġusta mill-post tax-xogħol

It-Tribunal Industrijali li f’dawn il-proċeduri tmexxa minn Joseph Gerada ordna lill-kumpanija Golden Harvest, li hija fin-negozju tal-qasam tal-ħobż biex tagħti kumpens ta’ €28,096 lil- ħaddiem wara li ġie deċiż li tkeċċa b’mod inġust.

Joseph Aquilina, ma kienx ħaddiem komuni iżda jiġi wieħed mit-tfal tad-diretturi tal-kumpanija tal-familja, li fetaħ kawża fit-Tribunal Industrijali kontra l-kumpanija. Huwa kien jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-vetturi bl-impjieg tiegħu jiġi terminat wara li l-kumpanija qabbdet konsulent indipendenti biex janalizza x-xogħol tal-impjegati, inkluż dawk tal-membri tal-familja.

Mill-provi ħareġ li missieru ħallas €4,497 f’petrol li ibnu allegatament uża għalih personali bit-Tribunal Industrijali, jgħid li Aquilina kellu raġun jilmenta li tkeċċa inġustament. Dan għaliex ma jreġix l-argument tal-familja li tiddeċiedi hi li tkeċċi lil Aquilna għax hu membru tal-familja u żied li Aquilina ma kienx biss membru tal-familja imma anke impjegat u għalhekk ma setax jiġi trattat la aħjar u lanqas agħar minn ħaddiema oħra.

Fis-sentenza tiegħu t-Tribunal qal li kien hemm konfużjoni fil-konfini bejn l-irwol familjari u dak tax-xogħol u semma kif min-naħa, il-Kap Eżekuttiv kien jistenna produttività u mġiba tajba mingħand Aquilina u min-naħa l-oħra jittollera prattiċi u mġiba mhux permessa għal impjegati oħra.

It-Tribunal Industrijali qal li kienet teżisti kultura ta’ laxkezza fil-kumpanija u iktar mill-membri tal-familja. Tenna l-kumpanija messha għamlet distinzjoni bejn iż-żewġt irwoli. Ingħad ukoll li kien hemm faqar fil-komunikazzjoni u l-ilmneti saru wara bibien magħluqa mingħajr ma ssarraf fi twissijiet bil-miktub.

It-Tribunal Industrijali qal ukoll li ma tressqitx prova li Aquilina kien imwissi jew imwiddeb għan-nuqqasijiet tiegħu u li wara kollox ma ttieħdux passi dixxiplinarji bi proċess trasparenti. Għaldaqstant waqt li kkonkuda t-tkeċċija bħala inġusta ordna lill-kumpanija tagħti kumpens lil Aquilina. Għal Aquilina deher l-Avukat Andrew Borg Cardona waqt li l-Avukati Sharon Pace Gouder u Roderick Zammit Pace dehru għall-kumpanija.