Lokali Sport

L-AĦĦAR ŻVILUPPI: Il-kowċ nazzjonali akkużat minn plejer Malti b’fastidju sesswali

(Ritratt: Malta FA)

Net News jista’ jikkonferma illi kien plejer tan-nazzjonal li allega fastidju sesswali minn naħa tal-kowċ ta’ Malta Devis Mangia. Hu mifhum li l-plejers kollha tat-tim nazzjonali jinsabu maħsuda b’dawn ir-rivelazzjonijiet.

Ftit tal-ħin ilu, il-programm REPLAY żvela li l-plejer inkwistjoni, u li għamel kuraġġ sabiex jitkellem dwar dak li għadda minhu, kien parti mill-kontinġent Malti fl-Estonja, iżda ma lagħabx.

S’issa, għadu mhux ċar jekk l-allegazzjonijiet – li huma ta’ natura serja – ġewx riferuti lill-Pulizija.

Mistoqsijiet mibgħuta lill-Korp fl-aħħar sigħat baqgħu mhux imwieġba.

Din mhix l-ewwel darba li Mangia kien f’kontroversja dwar allegazzjonijiet simili, b’diversi rapporti li dehru tul is-snin fil-media internazzjonali.

Kif żviluppat l-istorja tul il-jum

Intant, l-MFA ikkonfermat ma’ Net News li għada se jitlaqqa’ l-Bord Eżekuttiv sabiex jiddiskuti l-każ ta’ Davis Mangia – il-kowċ tat-tim nazzjonali li allegatament kiser il-policies tal-MFA.

Il-każ ta’ Mangia faqqa’ fl-aħħar sigħat wara li l-MFA irċeviet rapport dwar allegat ksur tal-policies tagħha.

Mangia ta d-disponibbiltà sħiħa tiegħu biex jiġu stabbiliti l-fatti tal-kwistjoni li dwarha l-assoċjazzjoni għażliet li tieħu azzjoni. Fl-istess stqarrija, l-assoċjazzjoni qalet li l-passi li jmiss se jiġu diskussi fi ħdan il-korpi rispettivi tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod miftuħ u trasparenti. Għalkemm l-MFA ma wieġbet ebda domanda minn dawk li ġew mibgħuta minn dan is-sit.

Net News saqsa biex l-MFA tippreċiża x’kienu eżatt il-policies li inkisru – jekk kienx każ ta’ tixħim, logħob tal-imħatri, abbuż, jew smpliċiment każ li fih Mangia ma obdiex l-ordnijiet jew gwida mit-tmexxija tal-assoċjazzjoni.

Saqsejna wkoll meta l-MFA saret taf b’dawn l-allegazzjonijiet u jekk il-każ ġiex riferut lill-Pulizija.

Kelliema għall-Malta Football Association weġbitna biss b’dan il-mod: “irreferi ghall-istqarrija mahruga dalgħodu mill-Malta FA. Ghada se jitlaqqa’ l-Board Eżekuttiv tal-Malta FA”.

Net News jinsab infurmat ukoll li l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Mangia nibtu minn persuna jew persuni li huma stess huma involuti fiċ-ċrieki tal-futbol. Tant li għall-ħabta tat-3pm żvelajna li kien fil-fatt plejer li allega fastidju sesswali.

(Ritratt: Martin Agius)