Internazzjonali

L-Italja: Giorgia Meloni tiddeċiedi dwar l-ogħla karigi fil-Kabinett il-ġdid

Far-Right party Brothers of Italy's leader Giorgia Meloni speaks to the media at her party's electoral headquarters in Rome, early Monday, Sept. 26, 2022. Italians voted in a national election that might yield the nation's first government led by the far right since the end of World War II. (AP Photo/Gregorio Borgia)

Gioria Meloni, bħala l-ewwel Prim Ministru mara fl-istorja tal-Italja, qed tiddeċiedi min għandu jingħata l-ogħla karigi ministerjali fil-Kabinett ġdid li għandha tmexxi matul ix-xhur u snin li ġejjin,

Meloni, li tmexxi lill-partit Fratelli d’Italia, għalissa qed iżomm profil baxx wara li wiegħdet biex tmexxi Gvern ‘għat-Taljani kollha’ . Dan meta mhux eskluż li xi karigi Ministerjali importanti għandhom jingħataw lir-rappreżentanti tal-partiti l-oħra fl-Alleanza tal-lemin li ttrijonfat fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd.

Matteo Salvini, bħala l-Kap tal-Lega, wieħed mill-partiti fl-Alleanza, qed jidher interessat f’li jieħu mill-ġdid il-Ministeru tal-Intern bħalma kien il-każ fl-2019 meta hu ddeċieda biex jagħlaq il-portijiet tal-Italja għad-dgħajjes mgħobbijin bl-immigranti.

Iżda waqt li Giorgia Meloni ukoll qed twiegħed politika iebsa u determinata fil-konfront tal-immigrazzjoni, hi, x’aktarx, li mhix lesta biex tikkonferma lil Salvini bħala Ministru tal-Intern – speċjalment wara li l-appoġġ għall-Partit tal-Lega niżel għal ftit taħt id-9 fil-mija fl-elezzjoni tal-Ħadd.

Sadanittant, Meloni, għalissa, qed tħalli lill-kapijiet l-oħrajn tal-Alleanza jwieġbu għall-mistoqsijiet tal-media u meta hi ddedikat l-aħħar sigħat għall- ‘affarjiet normali ta’ kuljum’  wara l-eċċitament tal-kampanja elettorali.

Hu minnu wkoll li diversi pajjiżi Ewropej esprimew allarm għar-rebħa ta’ Meloni –bil-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte itenni li l-kwistjoni tal-Italja għandha tħasseb lill-Ewropa. Rutte sostna li l-partiti fil-koalizzjoni ta’ Meloni ‘wettqu u qalu affarijiet li għandhom iqanqlu sens ta’ viġilanza’. F’dan il-każ ukoll saret referenza speċjali għall-ekonomija u r-relazzjonijiet ta’ Ruma mar-Russja.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Franċiż għall-Finanzi, Bruno Le Maire, qal li qed jittama li l-Gvern ta’ Meloni ikompli gbir-riformi ekonomiċi li kien beda l-eks Prim Ministru Taljan Mario Draghi. Madankollu Le Maire qal li mhux jinkwieta dwar l-istabbilità taz-zona ewro b’kaġun tal-Gvern Taljan ġdid filwaqt li saħaq li ‘l-Amministrazzjoni ġdida f’Ruma għandha tkun iġġudikata mill-azzjonijiet tagħha’.