Futbol Sport

Miġbura s-somma ta’€780 f’tournament b’risq l-Organizzazzjoni Step Up For Parkinson’s

Nhar is-Sibt li għadda ġewwa l-Kulleġġ MCAST f’Raħal Ġdid, 60 plejer femminili pparteċipaw f’5-a-side football tournament b’riżq l-Organizzazzjoni Step Up For Parkinson’s.

Minbarra plejers Maltin, f’dan it-tournament ħadu sehem ukoll plejers mill-Arġentina, il-Kolombja, l-Ekwador, is-Serbja u t-Tuneżija, li jgħixu hawn Malta.

It-timijiet parteċipi kienu maqsumin f’żewġ gruppi li ntrebħu minn Amigos u Knights United rispettivament.

Il-finali bejn iż-żewġ timijiet intrebħet minn Knights United bl-iskor ta’ 3-0, b’doppjetta minn Fallon Sammut u gowl minn Irena Drugovic u kienet ikkontrollata minn Elaine Bonnici, li bħar-referis l-oħrajn tal-Malta Football Association Gordon Barbara, Reno Galea u Lorry Sammut irreffjaw dawn il-partiti.

Minbarra midalja lil kull parteċipant u trofej lit-timijiet li spiċċaw fl-ewwel erba’ pożizzjonijiet ġentilment mogħtija minn Sports Experience u preżentati minn Adrian Casha bħala project manager ta’ Step Up For Parkinson’s, ingħatat tifkira lill-aħjar erba’ plejers tat-tournament kif magħżula mill-kumitat organizzattiv.

Fallon Sammut ta’ Knights United u Lised Romero ta’ Amigos kienu vvotati bħala l-aħjar żewġ plejers tat-tournament bl-istess ammont ta’ punti, segwiti minn Krista Montfort ta’ Red Arrows u Nicole Espinel Bautista ta’ Rainbow 7, li wkoll kisbu punti ndaqs fit-tieni post.

Għal din l-attività sportiva kienet preżenti l-eks President ta’ Malta l-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, li f’kelmtejn tal-okkażjoni faħħret din l-inizjattiva volontarja mill-Malta 5-a-side Women’s Football Association għal għan nobbli u ħeġġet lin-nisa preżenti jkomplu jimpenjaw ruħhom fis-soċjetà sabiex l-irwol tagħhom ikun aktar viżibbli f’oqsma differenti li effettivament jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.