Lokali

“Minkejja dak li ħiereġ mill-Qorti fil-każ ta’ korruzzjoni fi Transport Malta, il-Prim Ministru għadu ma ħax passi” – PN

Minkejja li fil-Qorti qed ikomplu joħorġu aktar dettalji dwar il-każ ta’ korruzzjoni fi Transport Malta, fil-mod kif persuni kienu qed jingħaddu mit-testijiet tas-sewqan, u minkejja li kontinwament qed nisimgħu bl-indħil ta’ mill-anqas Ministru wieħed, il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma kkonfermax min hu dan il-Ministru u lanqas ma qal jekk hu beħsiebu jieħu passi fil-konfront tiegħu.

Dan wara li llum sar magħruf fil-Qorti kif Direttur ta’ Transport Malta hedded lil eżaminatur li “jkollu jwieġeb lill-Ministru” jekk applikant partikolari ma kienx jgħaddi għal-liċenzja biex jibda jsuq tal-linja.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għat-Trasport, il-Mobbiltà u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mat-tħassib tal-poplu Malti u Għawdxi kollu għall-mod kif xi ħadd fil-Kabinett Laburista kien parti minn dan l-indħil politiku fi struttura daqstant importanti bħal Transport Malta.

Il-Partit Nazzjonalista jkompli jesiġi t-trasparenza u, filwaqt li jtenni l-appell lil Robert Abela biex jieħu l-passi, jappella wkoll lill-Ministru kkonċernat biex jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirriżenja sakemm inaddaf ismu.