Lokali Qorti

Proċeduri kriminali kontra Frederick Azzopardi se jinstemgħu minn Maġistrat ieħor

Proċedimenti kriminali kontra l-eks CEO ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi għandhom jiġu assenjati lil maġistrat ġdid, wara li ntlaqgħet it-talba tiegħu għar-rekuża tal-maġistrat Elaine Mercieca. Azzopardi kien talab ir-rekuża tal-maġistrat fil-kawża kriminali mressqa kontrih fuq ksur ta’ leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-ambjent, għar-raġuni li l-istess maġistrat kienet diġà semgħet u ħader deċiżjoni f’kawża relatata.

Huwa qed jargumenta wkoll li l-akkużi kontrih huma preskritti. Ix-xahar li għadda, Azzopardi kien akkużat formalment li kiser il-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien ambjentali fl-2019, meta allegatament injora ordni minn awtorità governattiva u ordna kuntrattur biex ikompli bix-xogħlijiet ta’ bini ta’ toroq fil-Wied Qirda taż-Żebbuġ.

L-eks Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta qed jiġi akkużat li ordna li jitkomplew xogħolijiet f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ minkejja li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ddikkjarat li x-xogħol kien qed jikser liġijiet għall-ħarsien tal-ambjent u waqqfet lill-kuntrattur milli jkompli għaddej.

Id-difiża ta’ Azzopardi talbet biex il-Maġistrat ma tismax il-każ hi għaliex kienet l-istess Mercieca li semgħet il-każ kontra l-kuntrattur li għamel ix-xogħol f’Wied Qirda. Għal Azzopardi dehru l-avukati Stefano Filletti u Rachel Powell. L-Ispettur Eliott Magro qed imexxi l-prosekuzzjoni.