Lokali Qorti

Sentejn ħabs fuq importazzjoni ta’ kilo droga khat

Sudaniż ta’ 28 sena ġie kundannat sentejn ħabs mill-Imħallef Aaron Bugeja wara li ammetta flok għadda ġuri li f’Novembru ta’ sitt snin ilu mporta kilo droga khat f’pajjiżna, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Abdirashid Adan Guled ġie wkoll mmultat €7,000, li jekk ma jitħallsux jiġu konvertiti f’ħabs u jrid ukoll iħallas aktar €5,000 fi spejjeż tal-qorti. Guled ta’ 28 sena residenti San Pawl il-Baħar sema’ lill-Qorti tfehmu fuq il-projbizzjoni tal-khat f’Malta.

L-Imħallef Aaron M. Bugeja wasal għal piena wara li qies bir-reqqa l-kwistjoni tal-użu tal-pjanta Khat f’Malta. Saħaq li fil-biċċa l-kbira tintuża minn immigranti li ġejjin mill-Etjopja, is-Somalja u l-Kenja fost oħrajn, u fejn il-konsum tagħha hu mxerred sew.

L-Imħallef innota li kull fejn infirxu mad-dinja, dawn il-komunitajiet ħadu l-użanzi tagħhom fosthom il-konsum ta’ din il-pjanta u hekk qal li ġara u qed jiġri f’Malta. Tenna li ġara l-istess fir-Renju Unit, u li l-Parlament Malti ddeċieda li jipprojobixxi d-dħul u l-użu ta’ din il-pjanta fl-2014.

L-Imħallef Bugeja li studja sew deċiżjonijiet minn qrati barranin minħabba n-nuqqas ta’ sentenzi f’Malta b’rabta ma’ akkużi simili. Tennal li l-kriminalizzazzjoni tal-Khat fir-Renju Unit ġabet polemiċi sħaħ, b’mod partikolari fost il-komunitajiet Kenjani fejn hemm industriji sħaħ mibnija fuq il-kultivazzjoni u l-esportazzjoni ta’ din il-pjanta.

Il-Parlament Ingliż, qal l-Imħallef għażel li jqiegħed il-pjanta Khat fil-grad ta’ dawk ix-xorta ta’ drogi li jagħmlu l-inqas ħsara lil persuna u konsegwetament għas-soċjetà. Qali li minkejja li l-piena massima fir-Renju Unit hija ta’ 14-il sena ħabs, fil-prattika, anke fil-każijiet ta’ importazzjoni ta’ ammonti sostanzjali ta’ pjanta Khat, il-qrati fir-Renju Unit jagħtu pieni li iżjed jersqu lejn il-minimu.

Bugeja qal ukoll li dan hu rifless ukoll fir-rikors konġunt li tressaq quddiemu mill-akkużat u l -Avukut Ġenerali b’dan tal-aħħar jitlob piena ta’ sentejn ħabs u multa ta’ sebat elef ewro f’każ li jammetti qabel il-ġuri. Għaldaqstant sar patteġġament li wasslet biex tingħata l-piena ta’ sentejn ħabs,

Madankollu l-akkużat ingħatal-imsemmija piena wara li kkopera mal-investigaturi, evita xogħol u spejjeż għall-istat anke jekk l-ammissjoni saret lejlet il-ġuri, li l-kondotta tiegħu f’Malta hija nadifa fejn ma kellu ebda kundanna oħra f’pajjiżna qabel ma nqabad f’dan il-każ.

Kien għalhekk li laqa’ t-talba tal-kontenut fir-rikors konġunt bejn l-akkużat u l-Avukat Ġenerali u kkundannah sentejn ħabs. L-Imħallef laqa’ t-talba wkoll li l-multa u l-ispejjeż tal-qorti jitħallsu fix-xahar. L-Imħallef Bugeja ordna li d-droga tinqered taħt is-sorveljanza diretta tad-Direttur Reġistratur tal-Qorti kriminali.

Huwa talab li dan issir bir-reġistrazzjoni tal-video u l-filmat għandu jinġieb a konjizzjoni tal-qorti b’kopja tintbagħat ukoll lill-Avukat Ġenerali u lill-ħati. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frank Anthony Tabone filwaqt li għal Guled deher l-Avukat Victor Bugeja.