Lokali Qorti

Sentejn ħabs wara li feriet b’sikkina lis-sieħeb tagħha għax daħal id-dar fis-sakra

Bulgara ta’ 51 sena residenti San Pawl il-Baħar ġiet ikkundannata sentejn ħabs wara li nstabet ħatja mill-Maġistrat Monica Vella li fil-lejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Jannar tal-2020 feriet gravi lis-sieħeb tagħha b’daqqa ta sikkina. Il-vittma li għamel perjodu fil-periklu tal-mewt ipprova jgħatti lil mara billi qal lill-Pulizija li kien qala’ daqqa ta’ sikkina mingħand persuna fit-triq.

Il-każ kien seħħ fir-residenza tal-ħatja Desislava Vasileva Maksimova u tal-vittma Georgi Hristov Hristov. Kien permezz ta’ investigazzjoni minn naħa tal-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Godwin Scerri li waslet biex tiġi skoperta l-verità kollha dwar il-każ, minħabba li l-koppja pprovat tqarraq bil-Pulizija fuq il-każ.

Mill-provi rriżulta li meta r-raġel daħal id-dar fis-sakra l-koppja tlewmet bil-vittma jsawwat lil mara u kien dak il-ħin li hija ħarġet sikkina għalih u aggreditu. Il-feriment seħħ fi Triq Toni Bajada f’ San Pawl il-Bahar,fejn il-mara nstabet ħatja li mingħajr il-ħsieb li toqtol jew li tqiegħed il- hajja ta’ Hristov f’ periklu car, ikkaġunatlhu ħsara fil-ġisem, liema hsara hija ta’ natura gravi u li giet magħmula bi strument li jaqta jew iniggez, f’dan il-każ sikkina.

Maksimova nstabet ħatja wkoll li qerdet jew bidlet it- traċċi ta’ reat bi’ ksur tal- Artikolu 111(2) tal- Kapitolu
9 tal- Ligijiet ta’ Malta. Hija ma nstabitx ħatja li saret reċediva. Minbarra sentenza ta’ sentejn prigunerija effettiva hija ġiet ordnata tħallas 2,471.74 ewro bħala spejjeż tal- Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri bl-investigazzjonijiet tal-pulizija jitmexxew mid-distrett tal-Qawra. Għal Bulgara deher l-Avukat Martin Fenech.