Lokali

Turiżmu: Għadna resqin lejn il-livelli tal-2019

Il-pandemija tista’ tgħid li tinsab warajna. Il-ħajja qed terġa’ lura għal dak li konna nafu qabel. U t-turiżmu xejn inqas.

Pajjiżna qed jirkupra mid-daqqa ta’ ħarta li ħadna fl-aħħar snin, b’mod speċjali fis-settur turistiku. Fil-fatt, iċ-ċifri qed juru li l-ammont ta’ turisti li ġew fil-gżejjer Maltin resqu qrib tan-numri ta’ qabel il-Covid – għalkemm għad fadal.

Dan ħareġ mill-konferenza li kienet organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ bl-isem ‘Rediscover’…u li saret fil-jum Dinji tat-Turiżmu.

Matulha issemma’ kif l-irkupru jinsab fil-livell mistenni, bl-ewwel kwart tas-sena kien xi ftit jew wisq diffiċli hekk kif ir-restrizzjoni tal-Covid kienu għadhom fis-seħħ. Iżda sal-aħħar t’Awwissu, ċifri juru li s-seat capacity laħaq it-78% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Filwaqt li turisti mill-Italja, id-Danimarka u s-Slovakja, fost l-oħrajn kważi laħqu l-livelli ta’ qabel il-pandemija, pajjiżna tilef ammont sostanzjali ta’ turisti minn diversi destinazzjonijiet oħrajn fosthom ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Belġju. Minn naħa l-oħra, pajjiżna ra żieda fit-turisti li ġew mill-Polonja, Franza u Ungerija, fost oħrajn.

Waqt il-konferenza, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Turiżmu, Robert Arrigo rrimarka li numru ta’ lukandi mistennija li jagħlqu l-bibien tagħhom matul ix-xhur tax-xitwa, hekk kif qed jinkwetahom il-fatt taż-żieda tal-għoli tal-ħajja.

Robert Arrigo innota żieda ta’ bejn 50% u 98% fil-prezzijiet tal-maġġoranza tal-ikel u affarijiet essenzjali, bl-inqas żieda kienet dik ta’ 15%. Hu insista li hemm soluzzjonijiet li għandhom jittieħdu minnufih.