Draw ta’ 3-3 bejn l-Ingilterra u l-Ġermanja
League A: Grupp 3
Ungerija 0-2 Italja
Gowl f’kull taqsima kienu biżżejjed għall-Italja biex f’Budapest f’konfront dirett għal min jirbaħ il-Grupp għelbu l-isfida tal-Ungerija, friski mill-aħħar rebħa fuq il-Ġermanja. Bl-Italja għal ħinijiet twal fuq l-offensiva, fis-27 minuta fetħet l-iskor. Issikkat minn Degnand Wilfried Gnoto, Peter Gulacsi tilef il-ballun, approfitta Giacomo Raspadori li dar mad-difiża u skorja fil-baxx. Minkejja reazzjoni minn Ungerija, fit-52 minuta l-iskor sar 2-0. Minn azzjoni ta’ Bryan Cristante kien Federico Di Marco li għeleb lil Gulacsi u konferma tal-mument pożittiv li għaddej minnu t-tim Nazzjonali Taljan minkejja li naqas milli jikkwalifika għal finali tat-Tazza tad-Dinja.
Ingilterra 3-3 Ġermanja
Mill-istess Grupp f’Wembley Stadium, l-Ingilterra u l-Ġermanja spiċċaw fi draw ta’ 3-3.
Sitt gowls fit-tieni taqsima, tnejn minnhom minn penalties kienu l-ingredjenti ewlenin f’partita li ma kellha ebda effett fil-klassifika iżda bla dubju dejjem jibqa’ wieħed mill-konfronti klassiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-partita ħadet il-ħajja fit-tieni taqsima hekk kif l-iskor baqa’ 0-0 sa tmiem l-ewwel taqsima. Fit-52 minuta, Ġermanja fil-vantaġġ. Foul ta’ Harry Maguire fuq Jamal Musiala bir-referee Danny Makkelie saffar penalty b’ Ilkay Gundogan jgħeleb lil Nick Pope. Reazzjoni sterili mill-Ingilterra l-aktar wara li fis-67 minuta Ġermanja rduppjat. Minn pass ta’ Timo Werner kien Kai Havertz li mill-ġdid għeleb lil Pope. Il-partita ħadet xejra differenti fit-72 minuta meta minn kross ta’ Reece James kien Luke Shaw li għeleb lil Marc Andre ter Stegen għat 2-1. Żdiedet il-pressjoni mill-Ingilterra tant li tliet minuti wara l-iskor sar 2-2 wara li Mason Mount għeleb lil Ter Stegen minn pass ta’ Bukayo Saka’. Fit-83 minuta Ingilterra fil-vantaġġ. Foul ta’ Mark Schlottenbecker fuq Jude Belligham. Penalty mgħoti u skorjat minn Harry Kane. Vantaġġ li dam biss erba’ minuti sal mument li Kai Havertz għeleb lil Pope minn pass ta’ Serge Gnabry bil-partita tingħalaq fi draw ta’ 3-3.

Riżultati:
Ungerija 0-2 Italja
Ingilterra 3-3 Ġermanja
Montenegro 0-2 Finlandja
Rumanija 4-1 Bożnija
Ġibiltà 1-2 Gorġja
Maċedonja 1-0 Bulgarija
San Marino 0-4 Estonja
Illum fid-20:45:
Portugall vs Spanja
Żvizzera vs R. Ċeka
Irlanda vs Armenja
Ukrajna vs Skozja
Albanija vs Iżlanda
Norveġja vs Serbja
Żvezja vs Slovenja
Greċja vs Irlanda ta’ Fuq
Kosovo vs Ċipru
//= $special ?>