Lokali Qorti

13-il xahar ħabs wara li attakka Svediża li kienet qed tixxemmex il-Belt

Raġel ta’ 39 sena mis-Siġġiewi kien ikkundannat 13-il xahar ħabs mill-Maġistrat Nadine Lia wara li nstab ħati li ħebb għal tfajla Żvediża li kienet qed tixxemmex fil-Foss tal-Belt. Fredrick Mifsud, li mill-provi ħareġ li li jbati minn post-traumatic stress disorder (PTSD) u li jabbuża mill-alkoħol instab ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest dwar każ ieħor.

Mifsud instab ħati li kkaġuna lit-turisti ġrieħi ħfief iżda ma nstabx ħati li kkaġnalha ġrieħi serji. L-Iżvediża Anna Karsbjer ġiet aggredita u msawwta minn raġel waqt li kienet qed tixxemmex ix-xahar li għadda, ħasbet li se tispiċċa stuprata nkella maqtula. Dan wara li r-raġel qabeż fuqha u anke f’mument minnhom qabadha minn rasha. Karsbjer qalet li kienet ferm emozzjonata meta xehdet fil-Qorti fejn kważi ma’ kull kelma li lissnet bdiet tolfoq u tibki.

Hija kienet spjegat dak li għaddiet minnu fil-jum tal-Ġimgħa tat-28 ta’ Awwissu f’xi ħin bejn is-2.00pm u t-3.00pm. Kienet spiċċat b’diversi ġrieħi f’wiċċha u li anke għaddiet minn trawma u ħolm ikraħ bil-lejl. Hija kienet spiċċat b’ imnieħirha miksur bid-daqqiet li qalgħet u bid-demm ħiereġ.

Hija kienet qalet ukoll li Mifsud sawwatha għal xejn b’xejn u aggrediha bil-qawwa kollha waqt li hija kienet qed titkellem ma’ missierha fuq il-mobile. Il-vittma toqgħod Amsterdam u f’Malta hija tgħix l-Imsida. Dak inhar tal-inċident kienet qed titkellem ma’ missierha fuq il-fatt li ommha kienet waslet biex tiċċelebra għeluq snienha.

Hija kienet qed tixxemmex wiċċha ‘l fuq fejn innutat li kien hemm raġel li kien miexi fuq l-irdumijiet, u resaq viċin lejhau ħassitu jmissilha saqajha. Qalet li hi nfurmat lil missierha dwar dan, dak li kien hemm raġel wieqaf quddiemha. “Meta rajt hekk jien għedtlu biex iżomm id-distanza minħabba l-COVID-19 u smajtu jgħid xi ħaġa fis-sens li kien qed jistad għax semma’ l-kelma ‘fishing’.

“Kellu kopp f’idejh u bqajt nitkellem ma’ missieri. Wara 30 sekond jew ftit aktar huwa qabeż fuqi u f’mument minnhom ħsibt li kien waqa’ fuqi. Huwa beda jaggredini, b’missieri għadu fuq il-linja tal-mobile u jisma’ kollox. Kien fuqi u ma stajt nagħmel xejn għax beda jżommni minn idejjha. Ma flaħtx aktar u għedt li kien se jieħu vantaġġ minni jew iħallini għal mejta. Ippruvjat naħrablu imma ma stajtx u f’daqqa waħda waqaf u qabad u telaq.”

Il-vittma qalet li bdiet tgħajjat għall-għajjut u rat raġel li marret fuqu b’xokk kbir. Qalet li f’ħin minnhom anke ommha kienet fuq il-mobile magħha. Wara waslu l-Pulizija u bdew jieħdu r-ritratti tagħha minġabba l-feriti u ħaduha wkoll f’Ċentru tas-Saħħa. Qalet li wara l-Pulizija ħaduha d-dar u mal-lejl beda jintefħila wiċċha.

Marret ukoll l-isptar St. James fejn ħadulha x-ray ta’ mnieħirha  u qalulha li jista’ jkollha xi problemi ta’ viżjoni u tawha wkoll xi medikazzjoni. Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Lia qalet li fix-xhieda tagħha t-tfajla dehret li kienet għadha trawmatizzata b’dak li għaddiet minnu waqt li ddeskriviet ix-xhieda bħala konsistenti u soda.

Qalet li tinsab moralment konvinta li dan kien “attakk kapriċċuż, tat-twerwir u bla bażi fuq persuna li kienet għall-affari tagħha titkellem ma’ missierha waqt li qed tistrieħ fuq il-blat”. Il-Qorti ordnat li s-somma ta’ €2,300 marbuta mal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor jgħaddu għand il-Gvern Malti. Il-Maġistrat Lia ordnat ukoll lil Mifsud iħallas €1,304 tal-ispejjeż tal-esperti.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Daryl Borg.

Ingħad ukoll li kif waslu l-irġiel li għamlu r-rapport min wettaq ir-reat telaq jiġri fid-direzzjoni tar-ristorant Capo Crudo.