Lokali

AĠĠORNATA (2): Iweġġgħu ħamsa – waħda fil-periklu tal-mewt

Ritratt: Martin Agius

Mara tinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku fi Triq it-Tempesta fil-Qrendi… fejn karozza pparkjata spiċċat fuq erba’ persuni li kienu qed jistennew fuq stejġ tal-linja wara li daħlet fiha karozza oħra.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-8:45 ta’ dalgħodu raġel ta’ 44 sena residenti l-Qrendi, kien qed isuq vettura tat-tip Mercedes, tilef il-kontroll u ħabat ġo Toyota Vitz li kienet ipparkjata.

Bid-daqqa, it-Toyota mxiet minn postha, daħlet f’stejġ tal-linja u laqtet erba’ persuni; tliet nisa ta’ 62, 66 u 68 sena u raġel ta’ 88 sena, kollha residenti l-Qrendi.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanzi ħadu l-persuni kollha l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ta’ 62 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament.

Ir-raġel ta’ 88 sena u l-mara ta’ 68 sena ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi filwaqt li r-raġel ta’ 44 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.

Il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana ġie infurmat u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin