Ħafna qamu mnikkta għall-aħbar tal-mewt taż-żagħżugħ ta’ 21 sena, Ben Laferla… li tilef ħajtu wara li kien passiġġier fil-karozza tal-kiri misjuqa minn żagħżugħa ta’ 17-il sena li ma kelliex liċenzja valida…u li tilfet il-kontroll tal-vettura u baqgħet dieħla f’ħajt.
L-inċident seħħ is-Sibt li għadda għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ filgħodu fi Triq il-Madliena, is-Swieqi.
Iż-żagħżugħ kien ilu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei għal dawn l-aħħar jiem hekk kif kien qed isofri minn ġrieħi serji. Sfortunatament, iż-żagħżugħ tilef ħajtu fl-aħħar sigħat.
Fil-karozza kien hemm ukoll żewġ passiġġiera oħra, Żvizzeru ta’ 20 sena residenti s-Swieqi, u tfajla miċ-Ċilì ta’ 19-il sena residenti San Ġiljan. Dawn kienu sofrew biss ġrieħi ħfief filwaqt li s-sewwieqa sofriet minn ġrieħi gravi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace qed tmexxi inkjesta. Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.